Lokali Parlament

Importanza tal-valuri u r-rispett fil-politika

Robert Cutajar, PN

Il-Whip tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar sostna li l-politika għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u fuq ir-rispett.

Fl-aġġornamnet tal-parlament Robert Cutajar qal li se jibqa’ determinat li jaħdem favur iċ-ċittadini, fejn saħaq li se jibqa’ viċin in-nies b’aċċenn fuq ir-residenti tat-12-il distrett. Huwa rringrazzja lir-residenti ta’ dan id-distrett tal-fiduċja li wrew fih fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali. Cutajar, irrifera għall-omelija tal-Arċisqof fil-ftuħ tal-Parlament meta tratta r-raġunijiet għaliex il-politiċi għandhom ikunu mfakkra.

Hu qal li l-politiċi għandhom jibqgħu mfakkra għal dak li huma jwettqu fil-politika u mhux għaċ-ċapċip u l-voti li jġibu. Għalhekk hu appella biex il-politika titmexxa fuq il-valuri u biex ikun hemm ir-rispett reċiproku anki meta l-politiċi ma jaqblux.

Id-deputat Nazzjonalista ir-responsabilità ġdida mgħotija lilu mill-Kap tal-PN Bernard Grech bħala kelliem għan-Negozji Żgħar u Medji, Self-employed u koperattivi. Huwa qal li dan huwa settur kruċjali għall-ekonomija ta’ pajjiżna u ta l-kelma li se jkun qed jitkellem fil-Parlament u barra dwar l-isfidi li dan is-settur qed jaffaċċja.

Robert Cutajar irringgrazzja lill-poplu li ħareġ jivvota u appella lill-politiċi li għandhom responsabiltà biex jaraw ir-raġunijiet għaliex kien hemm eluf oħra li ma marrux jivvutaw.

Il-PN irid jagħmel differenza u jrid jiddjaloga b’rispett biex jikkonvinċi lin-nies għaliex hemm ħafna li qed jgħidu li l-politiċi ma jistħoqqilhomx il-fiduċja. Hu qal li fil-ħidma politika tiegħu kien se jibqa’ jiddefendi l-valuri tal-familja, tas-sewwa u dak tar-rispett. Cutajar temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Parlament, li magħhom inkluda wkoll il-Pulizija. Huwa qal li tajjeb li wieħed jirrikonoxxi li anke l-ħidma tagħhom hija kruċjali fil-mixja tal-Parlament.