Lokali

Irridu nassiguraw li jkollna soċjetà tassew inklussiva – PN

Fil-Jum Dinji kontra d-diskriminazzjoni kontra persuni omosesswali, bisesswali u transesswali, bħala kelliema tal-Partit Nazzjonalista, il-Kelliem għall-Ugwaljanza u d-drittijiet tat-tfal Graziella Attard Previ u l-Kelliem għal-libertajiet ċivili, d-djalogu soċjali u l-ġlieda kontra d-dijabete Claudette Buttigieg, fi stqarrija qalu li filwaqt li japprezzaw il-fatt li f’Malta għandna liġijiet progressivi li jħarsu lil dawn il-persuni, jemmnu li baqa’ ħafna xi jsir fit-tixrid tal-edukazzjoni, fil-kultura u l-mentalita’.

“Mhux biżżejjed li jkollok l-aqwa liġijiet meta diversi persuni, xorta waħda, ma jħossuhomx komdi li jgħixu ħajjithom kif jixtiequ. F’pajjiżna jeħtieġ li sseħħ qabża fil-mentalità, fejn tassew kull persuna tħossha kburija biha nnifisha, aċċettata kif inhi, irrispettata dejjem u fejn l-imħabba tirrenja. Irridu nibqgħu naħdmu ma’ dawk kollha involuti sabiex nassiguraw li jkollna soċjetà tassew inklussiva.”