Lokali Parlament

Nirriformaw id-djalogu soċjali

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigig enfażizzat l-importanza li jkun hemm riforma fil-mod kif jiħtaddem id-djalogu soċjali fil-pajjiż biex dan ikun ferm iktar rilevanti.

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet fl-ewwel diskors tagħha fil-parlament f’din li hija t-tielet darba li ġiet eletta f’dan il-Parlament, trid tirringrazzja lil dawk kollha li wrew l-appoġġ tagħhom lejhapermezz tal-vot tagħhom. Ħajr partikolari lill-votanti kollha tat-12 il-distrett li reġgħu eleġġewni u lill-Għawdxin kollha li laqgħuni bħala waħda minnhom.

Nirringrazzja minn qalbi wkoll lil dawk kollha li kienu ta’ għajnuna u appoġġ kbir għalija – ir-raġel tiegħi David u t-tifla tagħna Kristina. Nirringrazzja lil dawk il-voluntiera kollha li bla ebda interess personali kienu ta’ spalla u forċina. GRAZZI.

Din l-elezzjoni kienet esperjenza mill-isbaħ. Ovvjament ir-riżultat aħħari mhux dak li xtaqt. Mhux dak li ħdimt għalih.

Illum inħares madwari f’din il-kamra u nara bidla sostanzjali. Diversi uċuh ġodda u bla budju preżenza ta’ aktar nisa. Filwaqt li din hija bidla pożittiva, rridu nkunu konxji u nanaliżżaw sew l-effetti li kellha, għanda u se jibqa’ jkollha din il-liġi.

Jiena m’għandix dubju li l-Università ta’ Malta, speċjalment id-Dipartiment tal-Istudju tal-Ġeneru se jistudjaw sew għaliex fl-ewwel fażi ta’ l-aħħar elezzjoni, l-poplu għażel ftit nisa, inqas milli għażel fl-aħħar żewġ leġiżlaturi.

Irrid ngħid però, li grazzi għat-tieni fażi, għaliex f’din il-kamra ġew eletti inqas minn 40%, żdiedu 12 il-mara u allura issa għandna l-ikbar numru ta’ membri parlamentari nisa li qatt kellna f’dan il-parlament. Jien ukoll insellem lil dawk in-nisa li kienu membri parlamentari qabilna f’din il-Kamra – Grazzi tal-Kuraġġ. Grazzi tal-ispirazzjoni.

Bla ma nidħol fid-diskussjoni ta’ dak li qal il-President Ukren Zelensky li tagħna ċamata, bħalma għamel f’okkażjonijiet oħra meta kien qed jindirizza parlamenti f’pajjiżi oħrajn … għax hija gwerra u mhux kunflitt, għax wera li jaf aktar fuq pajjiżna milli nafu aħna fuq pajjiżu, rrid infakkar li l-gwerra fl-Ukrajna qed tinħass fil-kontinent ewropew, hija ferm aktar viċin tagħna milli naħsbu.

Fid-diskors tiegħu, miktub mill-Gvern, il-President irrefera darbtejn għad-djalogu u l-importanza tad-djalogu. Fix-xogħol parlamentari tiegħi erġajt ingħatajt id-dekasteru tad-Djalogu Soċjali bħalma kelli fl-ewwel leġiżlatura li fiha ġejt eletta jiġifieri fl-2013.

Dan huwa settur ferm u ferm għal-qalbi li jqarribni lejn l-assoċjazzjonijiet, l-entitajiet u l-unions li jirrapreżentaw lill-ħaddiema u lil min iħaddem, ir-rappreżentanti tal-volontarjat. F’kelma waħda dawn huma r-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali. Irrid infakkar li l-istruttura li fiha jiltaqgħu l-imsieħba soċjali, il-Kunsill Malti Għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), kien twaqqaf minn Gvern Nazzjonalista aktar minn 20 sena ilu.

Illum l-MCESD sar talking shop. Illum l-imsieħba soċjali stess jgħidulek li dak li jiġi diskuss fl-MCESD jista’ jkollu relevanza ferm akbar imma mhux hekk qed iħossu l-imsieħba soċjali.

Ejja nisimgħu mill-imsieħba soċjali u nagħmlu dak li verament għandu bżonn pajjiżna.