Inċident mhux tas-soltu li ħoloq konġestjoni kbira ta’ traffiku fl-għodwa tat-Tnejn wara li żiemel waqa’ għoli ta’ żewġ sulari fi Triq Mikiel Anton Vassalli fl-Imsida, direzzjoni lejn l-Università ta’ Malta.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-7.45am, biż-żiemel imut fil-post.
Minnufih fuq il-post wasslu numru ta’ pulizija, uffiċjali ta’ Transport Malta u kif ukoll numru ta’ veterinarji li pruvaw jagħtu l-ewwel assistenza liż-żiemel, li iżda rriżulta li miet mad-daqqa meta waqa’ fit-triq.
Sa issa għadu mhux magħruf x’wassal biex dan iż-żiemel spiċċa fit-triq.
Nies li kienu fiz-zona fil-ħin li fih seħħ il-każ qalulna illi kien b’xorti tajba li ż-żiemel ma spiċċax fuq xi karozza.
Iż-żiemel tneħħa mill-post f’ħin qasir, sabiex it-triq infetħet għat-traffiku.
Jidher li l-Pulizija qed ikomplu jinvestigaw dan il-każ, u jaraw id-dinamika ta’ kif seħħ eżatt.
Bħalissa, għaddejja ukoll ħidma simili mill-uffiċjali tal-Animal Welfare.
Din mhux l-ewwel darba li sfortunatament li żiemel miet fit-toroq Maltin, b’wieħed mill-aħħar inċidenti ikun fl-2018, meta fi Triq San Franġisk fil-Floriana, żiemel spiċċa waqa waqt li kien qed jsuq karozzin.
L-inċident kien seħħ għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar meta ż-żiemel kien qed jinstaq minn kuċċier, meta għal raġuni waqa’ minn tulu mal-art f’nofs ta’ triq u miet.
Ritratti: Matthew Tabone
//= $special ?>