Ambjent Lokali

Sitwazzjoni xejn sabiħa bi skart perikoluż, b’boroż ilhom xhur mormija

“Baqgħu ma nġabrux, u ilhom hemm xhur”.

Dawn kienu uħud mill-messaġġi li rċieva Net News wara li għadd ta’ boroż sofor li jinsabu mormija fl-inħawi tas-Swatar, f’Birkirkara baqgħu ma nġabrux…. u tħallew qalb il-weraq u żkuk ta’ din iz-zona.

Kien fit-12 ta’ Jannar li għadda meta Net News żvela l-istorja ta’ dawn il-boroż li evidentament, fihom hemm skart perikoluż – kif jindikaw is-sinjali fuq kull borża.

Meta konna żvelajna din l-istorja, konna bagħtna korrispondenza lill-awtoritajiet konċernati, iżda l-unika darba li rċevejna email lura, kien biex jinfurmawna nibgħatu email lil persuna oħra li għandha l-awtorità fuq materji bħal dawn. Iżda meta għamilna hekk…xorta bqajna bla tweġiba.

Aħna konna saqsejna x’investigazzjonijiet qed isiru…  għaliex għadhom ma nġabrux….u x’fihom dawn il-boroż. Saqsejna ukoll x’inhi s-sitwazzjoni preżentament fl-inċineratur tal-isptar Mater Dei – bid-domandi kollha jibqgħu mhux imwieġba.

Nies esperti li tkellmu magħna u li raw dawn il-boroż qalulna li s-sinjal ta’ skart perikoluż jikkonferma s-suspett li dawn il-boroż fihom materjal u skart tal-isptraijiet jew ta’ klinika. Bl-istess nies jgħidulna li anki raw minn taħt il-boroż għadd ta’ siringi, ingwanti, u testijiet tal-iswab.

Sa issa mhux magħruf x’wassal biex dawn il-boroż sofor jiġu mormija b’dan il-mod, iżda persuni midħla tal-qasam tas-saħħa kkonfermaw ma’ Net News li dawn il-boroż żgur mhux posthom li jkunu mormija f’post pubbliku, u wisq aktar li jkunu  mormija b’dan il-mod. L-istess persuni li tkellmu magħna qalulna li la fil-boroż hemm materjal perikoluż, dan ifisser li dak li hemm fil-borża għandu jkun maħruq jew mormi b’metodi differenti mill-iskart normali.