Lokali

“Spiċċajna sigħat imwaħħlin fit-traffiku”

Wara diversi xhur, it-Triq tal-Għadira għadha nofsha maqlugħa u jidher ċar li għad fadal ftit mhux ħazin biex din tinfetah. U dan minkejja li t-triq tal-Għadira tintuża’ minn eluf ta’ Maltin u turisti, li jgħumu f’din il-bajja jew ikunu fi triqthom lejn Għawdex.

Dan in-nuqqas ta’ pjannar żgur li xi darba kien se jispiċċa jwassal għal konġestjoni kbira tat-traffiku, u dan il-jum wasal fl-ewwel weekend li fih t-temp kien wieħed aktar sabiħ mis-soltu. Filfatt, matul il-jum tal-Ħadd, fi Triq il-Marfa u Triq l-Armier, fil-Mellieħa, it-traffiku kien imwaħħal prattikament matul il-ġurnata kollha. B’uħud jippubblikaw ritratti u filmati fuq il-media soċjali.

Kienu bosta dawk li esprimew il-frustrazzjoni tagħhom dwar din is-sitwazzjoni li qed tasal minħabba li l-Gvern qed jibqa’ jkaxkar saqjh fuq ix-xogħlijiet li suppost ilhom li saru. Fuq Facebook kienu ħafna dawk li appellaw biex din is-sitwazzjoni titranġa u biex jingħataw widen ir-residenti tal-madwar. Dan filwaqt li sar appell qawwi biex in-nuqqasijiet li diġa huma evidenti f’dan il-proġett, jiġu indirizzati minnufih.

Mill-elezzjoni ġenerali l’hawn, għadda aktar minn xahar u nofs iżda l-Ministru tal-Infrastruttura Aaron Farrugia, f’kummenti li ta lill-ġurnalisti fl-aħħar jiem ikkonferma li m’għandux idea meta din it-triq se titlesta jew jekk hux se naraw xi progress sas-Sajf. Filfatt, fis-27 t’April li għadda, qal “m’għandix timeline. Għandna ħafna toroq xi jsiru u ovvjament, il-Gvern għandu wkoll targets ċari u deadlines ċari ta’ kull triq. Ikolli ċ-ċans li nibgħat l-informazzjoni kif mitlub.” Mistoqsi jekk għandux idea jekk din it-triq hux se tkun lesta sas-Sajf, il-Ministru qal li mgħandux informazzjoni, “niċċekjalek u nkellmek lura.” Informazzjoni li, pero, sal-lum għadha ma waslitx. Dan filwaqt li aktar persuni qed ikomplu jesperjenza sitwazzjonijiet gravi fit-traffiku.