Internazzjonali Lokali Mużika

Xeni ta’ gwerra fil-music video ta’ ‘Stefania’

Ftit sigħat biss wara li l-Ukrajna rebħet il-Eurovision Song Contest, il-grupp Kalush Orchestra ħarġu l-music video tal-kanzunetta Stefania; silta mużikali ddedikata għal qlubija u s-saħħa tal-omm… għall-protezzjoni u dak kollu li toffri lil uliedha.

Il-kanzunetta nkitbet proprju mill-frontman tal-band Oleh Psiuk b’lirika li tolqot ħafna l-qlub …fejn fost l-oħrajn jingħad li anke jekk kull triq titkisser, xorta waħda dak li jkun isib triqtu lejn daru…lejn ommu. Bl-istess Oleh…l-għada tal-Eurovision… deher isellem lit-tfajla tiegħu qabel beda l-vjaġġ lejn l-Ukrajna sabiex jiddefendi lil pajiżu mill-qawwiet Russi.

Intant, f’dan il-music video ma jonqsux xeni emozzjonanti ferm mill-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna fosthom xeni minn Bucha, Irpin, Hostomel u Borodyanka…. Kollha bliet viċin Kiev li sofrew il-qawwa kiefra tar-Russi.

F’messaġġ fl-aħħar tal-music video, Kalush Orchestra qalu li din il-kanzunetta hija ddedikata lill-poplu Ukren kollu… lill-ommijiet kollha li qed jipproteġu lil uliedhom u lil dawk kollha li ssagrifikaw ħajjithom matul din il-gwerra… lil kull raġel, lil kull mara u lil kull tifel u tifla innoċenti.

Huma temmew il-messaġġ tagħhom billi kitbu li l-gwerra tal-Ukrajna għandha numru ta’ uċuh… iżda kien il-wiċċ ta’ ommhom li żamm lil qalbhom ħajja fil-mumenti koroh ta’ din il-gwerra.

Is-Sibt li għadda din il-kanzunetta Ukrena bit-titlu Stefania, akkwistat 192 punt mill-membri tal-ġurija minn madwar 40 pajjiż. Madanakollu, mill-voti tat-televoting l-Ukrajna akkwistat l-akbar ammont ta’ punti, 439 – biex b’hekk għat-tielet darba fl-istorja ta’ dan il-Festival, l-Ukreni ħarġu rebbieħa… b’ total ta’ 631 punt.