Lokali Saħħa

404 huma t-trabi li twieldu b’IVF sa mill-2013

Rapport preżentat mill-Awtorità Maltija għall-Protezzjoni tal-Embrijuni juri li fl-aħħar 9 snin twieldu 404 trabi minn ommijiet li rrikorrew għat-trattament tal-IVF. Minn dawn, 260 twieldu f’Mater Dei.

Ir-rapport ta’ din l-Awtorità ġie preżentat it-Tnejn fil-Parlament.

Matul is-sena li għaddiet, l-istess Awtorità approvat 904 proċeduri għal prokreazzjoni assistita.

B’kollox, saru 194 ċiklu tal-IVF u 123 ċiklu ta’ inseminazzjoni, illi rriżultaw f’57 tqala. Minn dawn, 51 kienu IVF u sitta kienu bil-proċess ta’ inseminazzjoni magħruf bħala IUI – u li fosthom kien hemm tnejn li saru b’donazzjoni tal-isperma.

Intant, l-istess rapport jindika li minn mindu saru l-emendi għal-liġi fl-2018 dwar l-iffriżar tal-embrijuni, kien hemm 364 embrijun illi intużaw fi proċessi ta’ IVF.

Din il-ġimgħa stess fil-Parlament, il-PN insista li l-IVF għandu jibqa’ jingħata prijorità. U għalhekk għandhom isiru emendi biex dan is-servizz ikun offrut bl-aqwa mod u jsir investiment f’apparat teknoloġiku biex it-tama u ċ-ċansijiet tal-koppji jiżdiedu.

Fl-aħħar xhur, kien il-PN illi ipressa lill-Gvern sabiex il-mediċini kollha tal-IVF u t-trattament kollu jingħata bla ħlas – xi ħaġa li sa issa mhix issir.