Lokali

500 immigrant jiddaħħlu Pozzallo

500 immigrant li kienu bejn sema u ilma wara li telqu mill-kosta Libjana ġew salvati mill-Guardia Costiera Taljana u ddaħħlu fil-Port ta’ Pozzallo fi Sqallija.

Dan tħabbar mis-Sindku Roberto Ammatuna, illi saħaq li lest sabiex jagħti merħba lil dawn in-nies għal ħajja aħjar.

Is-Sindku ta’ Pozzallo spjega illi hekk kif issa qed joqrob is-Sajf hemm probabbiltà kbira li l-vjaġġi illegali fil-baħar Mediterran se jkunu qed jiżdiedu ġmielhom u insista li ghandu jkun hemm forza militari navali Ewropea sabiex issalva lil dawn il-persuni li jkunu qed iħabbtuha mal-mewt.

Aktar kmieni matul il-jum tat-Tnejn, l-Għaqda Non Governattiva Alarm Phone appellat lill-Awtoritajiet Maltin sabiex isalvaw lil dawn in-nies li kienu telqu minn Tobruk ….hekk kif kienu mingħajr ikel u ilma.

Fil-jiem ta’ qabel, l-istess Alarm Phone kienet akkużat lill-armata li kienu qed jinjoraw it-talbiet tagħhom filwaqt li l-NGO Sea Eye insistiet li l-Awtoritajiet Maltin kienu qed jonqsu milli jagħqdu dmirijiethom f’dak li għandu x’jaqsam koordinament ta’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ fl-ibħra territorjali Maltin…b’diversi immigranti jiġu salvati fost oħrajn mit-Taljani.

Il-Ħadd 15 ta’ Mejju, 58 persuna ġew salvati fiz-zona ta’ tiftix u salvataġġ fl-ibhra Maltin mill-Guardia Costiera. Dawn iddaħħlu Pozzallo, bl-NGO Sea-Eye tisħaq li dan kien it-tmiem ta’ missjoni ta’ salvataġġ li matulha l-Gvern Malti naqas milli jaqdi dmiru.