Basketball Sport

Caffè Moak Luxol jippareġjaw il-finali

Colin Schembri

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa – FINALI

Hibernians 46

Caffè Moak Luxol 60

(16-13)(8-10)(13-20)(9-17)

Hibernians: E. Farrugia, I. Agius, Y. Bonett 9, A. Van Vliet 15, S. Brincat 3, J. Abela, C. Camilleri, K. Jenkins 13, N. Farrugia, K. Caruana 6, K. Conti.

Caffè Moak Luxol: L. Fenech Pace, V. Selvaggi, S. Pace 12, M. Mercieca 13, F. Camilleri, H. Galea, P. Marcal 15, A. Borg, P. Ellul 5, M. Camilleri, J. Diaby 13, A. Fenech Pace 3.

Referees: Bernard Vassallo, Daniela Torok, Zvezdan Dobrosaviljevic

Caffè Moak Luxol kisbu t-tieni rebħa fil-finali tal-kampjonat Mapfre MSV Life tan-nisa u issa jinsabu fil-vantaġġ fis-serje finali u rebħa ‘l bogħod mir-rebħ tal-kampjonat. Hibs kellhom wirja mill-aqwa fl-ewwel finali però ma rnexxielhomx jirrepetu din il-wirja fiż-żewġ finali ta wara. Minn naħa l-oħra, Luxol irranġaw id-difiża tagħhom u issa l-attakk li qed jipproduċu qiegħed ikun biżżejjed għalijhom. Element importanti huwa l-esperjenza ta’ players bħal Mandi Mercieca, Josephine Diaby u Sarah Pace f’partiti bħal dawn. Il-pressjoni issa tinsab kollha fuq il-Pawlisti li ma jistgħux ifallu waħda miż-żewġ partiti li fadal. Il-partita kellha bidu kwiet u Luxol ħadu vantaġġ żgħir permezz ta’ Paula Ellul u Diaby. Hawn Hibs għamlu break ta’ 9-0 bi trippla ta’ Ashleigh Van Vliet flimkien ma’ Kenyotta Jenkins. Kien hemm trippla fuq kull naħa minn Palmira Marcal u Van Vliet u minkejja ħames punti konsekuttivi minn Mercieca u Marcal, Hibs għalqu t-taqsima b’basket ta’ Jenkins għal skor ta’ 16-13. Fit-tieni taqsima Luxol fetħu bi trippla ta’ Marcal u għamlu l-iskor indaqs wara punti fuq iż-żewġ naħat. L-andament tas-sessjoni baqa’ l-istess u kien biss free-throw ta’ Sam Brincat li ra lil Hibs jidħlu jistrieħu punt minn fuq 24-23.

Fit-tielet sessjoni, Hibs fetħu bi trippla ta’ Ylenia Bonett però mbagħad ġralhom kif ġralhom fit-tieni partita u marru l-baħar f’din is-sessjoni meta sofrew run ta’ 15-4 fejn fost l-oħrajn kien hemm żewġ trippli ta’ Pace flimkien ma’ Diaby, Ellul u Anna Fenech Pace. Minkejja li Bonett kellha trippla oħra għal Hibs, Luxol temmew il-perjodu 6 minn fuq 43-37. Il-ftuħ tal-aħħar sessjoni kien missielet bil-punti jaslu fuq iż-żewġ naħat biex Luxol setgħu jżommu l-vantaġġ li kellhom. Hibs, qatt ma rnexxielhom jaslu viċin aktar mis-sitt punti li bijhom bdew il-perjodu u trippla ta’ Diabuy eżatt mat-tmiem ta’ pusess, tat vantaġġ ta’ 10 punti lill-vjola u mliethom bil-kuraġġ. Hibs ma rnexxielhomx jerġgħu jirkupraw u Luxol għalqu l-partita bil-punti ta’ Mercieca u Ellul biex ħarġu rebbieħa 60-46 fost il-ferħ tal-partitarji tagħhom.