Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Eżerċizzji militari tan-NATO dejjem eqreb tar-Russja

L-Alleanza tan-NATO —  li qed tħejji għal espansjoni storika ‘viċin l-għatba tar-Russja’ – għadha kemm bdiet uħud mill-akbar eżerċizzji militari fl-istorja tagħha u li qed isiru fir-reġjun Baltiku.

L-eżerċizzji – mogħtija l-laqam ‘Hedgehog’ – qed jinvolvu għaxar pajjiżi, inklużi l-militar tal-Finlandja u l-Iżvezja li mistennija jissieħbu fin-NATO  ( bħala membri ġodda) fi kwistjoni ta’ jiem u wara li ilhom l-għexieren tas-snin isegwu politika ta’ newtralità.

Is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg qal aktar minn darba li l-Alleanza tal-Punent lesta tagħti ‘merħba kbira’ liż-żewġ pajjiżi Skandinavi li qed javviċinaw l-isħubija storika fl-Alleanza fl-aħjar interessi tas-sigurtà – u meta r-Russja tibqa’ ġar perikoluż u imprevedibbli.

Fl-istess ħin, Jens Stoltenberg qed jistenna li l-proċess tas-sħubija għall-Finlandja u l-Iżvezja jkun konkluż ‘rapidament’ —  għalkemm it-Turkija (li tipprovdi ammont kbir ta’ suldati lin-NATO) qalet diġà li qed taħseb biex tostakola l-isħubija tal-Istati Skandinavi permezz tal-veto.

Il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, qal li d-delegazzjonijiet tal-Iżvezja u l-Finlandja jkunu qed jaħlu ż-żmien jekk imorru fit-Turkija bħala parti minn impenn diplomatiku ‘biex jibdlu l-pożizzjoni ta’ Ankara’. Fl-istess ħin, Erdogan stqarr li t-Turkija mgħandhiex tapprova t-tentattivi tal-Iżvediżi u l-Finlandiżi biex jiffurmaw parti min-NATO fil-futur,

Sadanittant, l-eżerċizzji militari tan-NATO fl-Estonja għandhom idumu sat-3 ta’ Ġunju —  u meta l-programm kien tlesta sa minn qabel l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi, fl-24 ta’ Frar. L-eżerċizzji qed isiru fuq kollox biex ‘iżidu l-livell ta’ preparamenti għall-qawwiet tal-Alleanza u biex dawn itejjbu l-aspetti ta’ koordinazzjoni militari’.

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qal li Moska ma għandha l-ebda problema mal-Finlandja u l-Iżvezja iżda wissa wkoll li r-Russi għandhom ‘jirreaġġixxu’ għal kwalunkwe espansjoni militari mill-Punent viċin il-fruntieri ta’ pajjiżhom.

Mal-15,000 truppi tan-NATO qed ikunu involuti f’eżerċizzju partikulari fl-Estonja – bil-pajjiż qed jara waħda mill-akbar ‘simulazzjonijiet ta’ gwerra’ mill-1991. Dan meta l-eżerċizzju qed isir xi 64 kilometru ‘il bogħod mill-eqreb bażi militari tar-Russja fejn jinvolvi taħriġ għal ‘difiża u reazzjoni’ f’sitwazzjoni fejn l-Estonja tispiċċa ‘attakkata mill-qawwiet ta’ Putin.’