Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Tintemm id-difiża tal-kumpless industrijali ta’ Mariupol wara assedju ta’ ġimgħat

Il-battalja għall-kontroll ta’ Mariupol qed tidher li waslet qrib konklużjoni, bil-militar tal-Ukrajna qed jgħid li l-aħħar suldati li kienu qed jiddefendu l-kumpless industrijali ewlieni f’din il-belt issa ħarġu mill-faċilità wara ġimgħat konsekuttivi ta’ ġlied.

Il-militar Ukren sostna li d-difensuri ta’ Mariupol, issa, temmew id-difiża tal-belt u li madwar 300 ġellieda Ukreni, issa, ittieħdu lejn it-territorji kontrollati mir-Russja wara ġimgħat ta’ reżistenza qalbiena lill-qawwiet tal-Kremlin.

Intant – u waqt li mistenni jsir skambju bejn dawn il-ġellieda u l-priġunieri tal-gwerra Russi – l-Armata tal-Ukrajna qed tgħid li s-suldati li kien fadal fil-kumpless industrijali issa ‘temmew il-missjoni tagħhom.’

Ir-Russja diġà kienet qed tikkontrolla l-kumplament ta’ Mariupol li tinsab fin-nofsinar tal-Ukrajna u li għandha importanza kbira strateġika peress li tinkludi fiha port li sa ftit ilu kien iservi bħala hub għat-trasport tal-kunsinni tal-affarijiet meħtieġa.

Intant, Mariupol spiċċat meqruda kollha kemm hi mill-bumbardamenti tar-Russi u liema azzjoni kapaċi titqies bħala reat tal-gwerra.

Fl-aħħar sigħat, fil-fatt, l-uffiċjali Ukreni f’Mariupol qalu li kien anki fadal xi nies fil-faċilità industrijali ta’ Azovstal, fejn sigħat ilu kienu għaddejjin l-aħħar battalji bejn il-membri ta’ battaljun Ukren u d-diviżjonijiet armati ta’ Moska.

L-aħħar rapporti miz-zona sostnew, intant, li kienu għaddejjin l-isforzi biex in-nies – ċivili — li kien għad fadal fil-faċilità jinħarġu minn hemmhekk qawwijin u sħaħ.

Waqt li l-gwerra fl-Ukrajna tinsab għaddejja fuq numru ta’ fronti, is-sorsi militari tal-Punent qed jgħidu li l-President tar-Russja Vladimir Putin qed jinvolvi ruħu fit-tmexxija tal-gwerra minn jum għall-ieħor. Qed jingħad li Putin, issa, anki qiegħed jieħu d-deċiżjonijiet li s-soltu jsiru mingħand uffiċjali militari ta’ grad anqas.

Fl-istess ħin, iżda, mhumiex jonqsu l-għajdut li Putin jinsab fi stat ta’ saħħa mill-aktar fraġli u li hu, fil-fatt, jista’ qed ibati minn marda terminali.