Internazzjonali

Il-Libanu: L-Alleanza tal-Hezbollah titlef il-maġġoranza fil-Parlament

Il-Moviment Hezbollah tal-Musulmani Xiti u l-alleati politiċi tiegħu Tilfu l-maġġoranza fil-Parlament tal-Libanu skont ir-riżultati mill-elezzjoni tal-Ħadd f’dan il-pajjiż.

Il-Hezbollah hu appoġġjat mill-Iran, u l-alleanza politika li qed jifforma parti minnha rebħet biss 62 fost il-128 siġġu tal-assemblea – jiġifieri tliet siġġijiet anqas milli kellha bżonn.

Filwaqt li l-Hezbollah irnexxielu jżomm is-siġġijiet li kellu, il-Moviment għall-Patrijotti Ħielsa mmexxi mill-President Lebaniż, Michel Aoun, tilef mill-appoġġ li kellu.Il-partit l-ieħor fl-istess blokk politiku tal-Hezbollah hu l-moviment Shia Amal, tal-Ispeaker Lebaniż Nabih Berri, u li wkoll baqa’ bl-istess numru ta’ deputati.

.Intant, partit tal-Kristjani rivali b’rabtiet mill-qrib mal-Arabja Sawdija għamel il-kisbiet f’din l-elezzjoni. Dan waqt li l-kandidati indipendenti li kkuntestaw fuq programm ta’ riforma rebħu 13-il siġġu fil-Parlament.

Madakollu, in-nuqqas ta’ rebbieħ ċar, flimkien mal-istruttura politika tal-Libanu li jesiġi l-qsim tal-poter ifissru li baqgħu żgħar iċ-ċansijiet għall-bidliet sinifikanti fil-Libanu.  Din l-elezzjoni kienet anki l-ewwel waħda fil-Libanu mindu, fl-2019, seħħew il-protesti fuq bażi nazzjonali kontra l-elit politiku lokali li jitqies bħala korrott u ineffettiv.