Internazzjonali

Il-Libja: Battalji ġodda fi Tripli fost it-taqbida għall-poter

Il-Gvern Libjan maħtur mill-Parlament u appoġġjat mill-Kap militari Khalifa Haftar ħabbar li qed jirtira mill-belt kapitali ta’ Tripli li tipprovdi anki s-sede għal Eżekuttiv (Gvern) rivali. Dan seħħ wara sigħat ta’ battalji fil-kapitali Libjana, li mill-ġdid tinsab għaddejja minn mewġa ta’ tensjoni politika.

Il-Libja ilha mifnija b’dawn il-konflitti – u waqtiet ta’ gwerra ċivili – mindu krolla r-reġim tal-eksdittatur Muammar Gaddafi fl-2011. Dan waqt li l-Libja baqgħet karatterizzata mill-kriżi politika u l-vjolenza li qed itellfu l-proċess ta’ bidla f’pajjiż li ma stejqer qatt minn snin ta’ dittatorjat.

Intant, il-Gvern maħtur mill-Parlament Libjan ħareġ stqarrija fejn qal li l-Prim Ministru tiegħu, Fathi Bashagha, flimkien ma’ uħud mill-Ministri tiegħu, ‘telqu minn Tripli biex jiggarantixxu s-sigurtà taċ-ċittadini’.

Sigħat qabel, kienet ħarġet l-aħbar li Bashagha u l-ministri kienu waslu fi Tripli ‘biex jibdew il-ħidma tal-Gvern’ — iżda l-iżvilupp wassal għal ġlied qalil bejn il-gruppi armati rivali fit-toroq tal-kapitali. Intant, il-gruppi inkwistjoni ma setgħux ikunu identifikati mis-sorsi indipendenti.

Il-Gvernijiet rivali fi Tripli t-tnejn għandhom l-appoġġ tal-movimenti armati li baqgħu influwenti u li ‘qegħdin jibdlu l-appoġġ minn Gvern għall-ieħor skont is-sitwazzjoni’.

Qabel il-battalji, il-grupp ewlieni tal-milizzji Al Nawasi kien laqa’ lil Bashagha u l-ministri tiegħu fil-kapitali iżda hu, wara, kien kostrett li jirtira mill-inħawi minħabba l-livell ta’ periklu għalih u għall-ministri tiegħu.

Sadanittant, il-Gvern ibbażat fi Tripli — li hu l-prodott ta’ proċess politiku tal-2020 sponsorjat min-Nazzjonijiet Uniti — ma rreaġiex għall-aħħar inċidenti fil-kapitali.

Min-naħa tagħha, Stephanie Williams, bħala l-Konsulent Speċjali dwar il-Libja mas-Segretarju-Ġenerali tan-NU, ħeġġet biex in-naħat rivali fil-Libja  jeżerċitaw il-kontroll u jrażżnu l-vjolenza. Hi sostniet ukoll il-ħtieġa li l-entitajiet tal-milizzji rivali fi Tripli jżommu lura minn kull azzjoni provokattiva.