Lokali Parlament

Il-PN jinsisti fuq riformi parlamentari

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius qal fil-parlament li l-Oppożizzjoni qed tinsisti fuq riformi parlamentari.

Id-deputat Nazzjonalista David Agius qal li d-deputati jridu juru rispett lejn xulxin għalkemm il-kritika għandha tibqa’ biex titjieb il-ħajja tal-poplu Malti.

Hu semma’ l-Ispecial Olympics li qed isiru f’Malta u qal li dan l-avveniment qed iġib ferħ fost it-tfal li jikkompetu. Jeħtieġ li fil-parlament ikun qsim ta’ ideat biex il-ħajja ta’ dawn it-tfal titjieb permezz ta’ liġijiet tajbin.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Oppożizzjoni se tressaq numru ta’ proposti dwar ir-regoli tal-parlament fosthom fil-kuntest tal-privileġġ parlamentari u r-rimedji għaċ-ċittadini, iċ-child care centre fil-parlament, ikun intorodtt il-prime ministers question time, il-mod kif il-ministri jwieġbu l-mistoqsijiet parlamentari, iktar opportunità għall-Oppożizzjoni biex tressaq il-liġijiet, il-ħolqien ta’ Kumitat Parlamentari għall-Ġustizzja, u l-awtoritajiet jibdew jirrispondu lejn il-parlament.

Hu appella lill-Gvern biex jibdew diskussjonijiet dwar il-ħatriet tal-Ombudsman u tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Jeħtieġ jinstabu soluzzjonijiet f’każi fejn il-gvern ma jimplimentax ir-rakkomandazzjnijiet tal-Ombudsman.

David Agius tkellem dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u qal li m’għandux ikun aċċettabbli li xi kontijiet jitħallew jiżdiedu f’ammonti kbar biex imbagħad jinqata’ s-servizz.