Lokali

Isuqu vettura bla liċenzja waqt li fil-pussess ta’ arma tan-nar u tad-droga

Ilbieraħ għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija, il-Pulizija fl-Għassa ta’ Ħal Qormi irċevew informazzjoni li fi Triq il-Kanun, Ħal Qormi kien hemm vettura Hyundai li qed tinstaq mingħajr liċenzja.

Il-Pulizija tad-Distrett marru fl-akwati u ftit tal-ħin wara, fi Triq il-Belt Valletta, intlemħet il-karozza li kienet taqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat.

Kien hawn li l-Pulizija mblukkaw it-triq bil-vettura tal-Korp u waqqfu l-karozza. Iż-żewġ persuni li kienu fil-karozza ntalbu joħorġu minnha u dak il-mument ġie nnutat li l-liċenzja mwaħħla mal-ħġieġa tal-karozza kienet ta’ vettura oħra. Investigazzjonijiet ulterjuri rriżultaw li l-karozza ma kinitx koperta b’polza tal-assikurazzjoni u mhux liċenzjata biex tinstaq fit-triq.

Waqt li kien qed jagħmel tfittxija fil-vettura, is-Surġent tad-Distrett lemaħ arma tan-nar ma’ l-art fuq in-naħa tax-xufier.

Iż-żewġt irġiel kienu nfurmati li jinsabu taħt arrest u li ser isiru aktar tfittxijiet. Fil-vettura, il-Pulizija sabet pouch b’ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti u bott li fih kien hemm madwar 60 qartas b’sustanzi suspettati kokaina u eroina. Fuq il-passiġġier instabet ukoll arma li taqta’ u bil-ponta.

Aktar tard saret ukoll tfittxija fir-residenza ta’ wieħed mill-persuni arrestati bil-Pulizija tad-Distrett ikunu assistiti mill-Pulizija mit-Taqsima tal-Klieb.

Iż-żewġt irġiel qed jinżammu fil-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit li fetħet inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.