Internazzjonali

Iżrael: Il-Vatikan jikkundanna l-aġir vjolenti waqt il-funeral tal-ġurnalista Shireen Abu Aqla

Ir-rappreżentant tal-Vatikan f’Ġerusalemm akkuża lil Iżrael dwar l-abbuż brutali tal-ftehim li jesiġi għar-rispett tal-libertà reliġjuża f’dak ir-reġjun.

Il-ftehim kien intlaħaq għexieren ta’ snin ilu u l-kundanna tal-Vatikan qed issir wara l-attakk, jiem ilu, tal-pulizija Iżraeljani fuq il-Palestinjani waqt il-funeral, il-ġimgħa l-oħra, tal-ġurnalista Shireen Abu Aqla. Din il-ġurnalista Amerikana ta’ nisel Palestinjan kienet qalgħet tiri fatali waqt li i kienet qed tirrapporta dwar rejd tal-Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent għall-Istazzjon Al Jazeera.

Il-pulizija Iżraeljani, waqt il-funeral, sawwtu u maltrattaw lill-Palestinjani, fosthom in-nies li kienu qed iġorru t-tebut tal-ġurnalista. Fl-istess ħin, il-pulizija sparaw is-stun grenades lejn il-folol li kienu qed jippakkjaw iz-zona quddiem l-isptar fejn kien qed jinżamm it-tebut ta’ Abu Aqla.

Issa, il-Monsinjur Tomasz Grysa, li jirrappreżenta lis-Santa Sede f’Ġerusalemm, qal li l-azzjoni mill-qawwiet tal-liġi Iżraeljani ma kenitx ġustifikata minbarra li seħħet mingħajr provokazzjoni. Intant, l-uffiċjali tal-pulizija Iżraeljana qalu li l-inċidenti ta’ waqt il-funeral qed ikunu investigati minbarra li akkużaw lill-mexxejja reliġjużi dwar stqarrijiet estremisti li ma jgħinux is-sitwazzjoni delikata.