Lokali Parlament

Jeħtieġ investiment biex ma jispiċċawx il-bdiewa u s-sajjieda

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina sostna fil-parlament biex isir investiment biex mill-pajjiż ma jispiċċawx il-bdiewa u s-sajjieda.

Toni Bezzina qal li hekk kif il-gvern intervjena dwar il-kirjiet tal-propjetà, għandu jinstab bilanċ bejn il-kirjiet li jħallsu l-bdiewa u intervent mill-Istat biex min qed jikri l-art lill-bdiewa jieħu prezz ġust għall-art tiegħu.

L-aktar importanti li jkun assigurat art għall-bdiewa Maltin. Hu qal li ċertu prezzijiet ta’ €3,000 kirja għal art agrikola fis-sena m’humiex sostenibbli.

Waħda mid-daqqiet li qed jieħdu l-bdiewa hi ż-żieda kbira fi prodotti importati; għahekk hu ġust li l-Istat jgħin lill-bdiewa. Jeħtieġ għajnuna wkoll dwar il-fertilizzanti.

Wasal iż-żmien li jkun hemm għajnuna lill-bdiewa żgħażagħ biex jimlew l-applikazzjonijiet għal fondi mill-UE biex ikun iktar għarfien dwar x’hemm disponibbli biex iktar żgħażagħ jinvestu fl-agrikoltura Maltija.

Hemm ukoll bżonn ta’ investiment għall-bżonnijiet tas-sajjieda flimkien ma’ investiment fil-pixkerija. Investiment ieħor hu meħtieġ fil-pitkalija, sostna Toni Bezzina.