Internazzjonali

L-Ungerija kritikata dwar in-nuqqas ta’ appoġġ għas-sanzjonijiet fuq ir-Russja

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Ċeka, Jan Lipavsky, ikkritika lill-Gvern tal-Ungerija dwar l-attitudni tiegħu fil-konfront tar-Russja u li ‘żgur li mhix l-istess bħal tal-pajjiżi l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea’.

Lipavsky esprima l-kritika fuq Twitter wara li l-Prim Ministru Ungeriż, Victor Orban ( nhar it-Tnejn)  ħa l-ġurament għal mandat ġdid ta’ tmexxija f’Budapest.

Il-Ministru Ċek sostna li ‘mhix aċċettabbli’ id-deċiżjoni tal-Ungerija biex ma tappoġġjax is-sanzjonijiet għall-esportazzjoni tal-enerġija mir-Russja . Hu enfasizza wkoll li ‘l-Ewropa teħtieġ li tkun aktar magħquda minn qatt qabel f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli’.

Ir-Repubblika Ċeka – flimkien mal-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja – jifformaw il-grupp ‘Visegrad’ għall-pajjiżi Ewropej taċ-ċentru u li kien iffurmat biex jiddefendi l-interessi komuni tal-istess Stati fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-attitudni tal-Ungerija rigward is-sanzjonijiet għar-Russja u ċ-ċaħda ta’ Budpest biex jintbagħtu l-armi lill-Ukrajna jirriflettu d-differenzi politiċi kbar bejn l-Istati tal-‘Visegrad’. Dan ifisser ukoll li l-futur ta’ dan il-grupp ta’ pajjiżi, bħala kollettiv, qed jidher inċert u meta kiber id-diżgwid bejn l-Ungerija u l-Istati membri l-oħrajn.