Lokali

MEWT MARSA: Titlef ħajjitha wara li marret twassal l-ikel

Identifikata bħala Agostina Grech, il-mara li tilfet ħajjitha traġikament il-Ħadd waranofsinhar fil-Marsa wara li waqgħet sular f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Azzopardi.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan l-inċident sfortunat, hekk kif skont informazzjoni ppubblikata mill-ġurnal In-Nazzjon… il-mara ta’ 64 sena minn Raħal Ġdid marret f’dan is-sit biex twassal ikel lil xi qraba kienu qed jagħmlu xogħol fil-binja.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-mara marret hi stess bl-ikel sabiex ikunu jistgħu jieqfu għal xi ħin minn ħidmiethom ħalli jieklu xi ħaġa…iżda sfortunatament dan il-ġest sabiħ, f’ħakka t’għajn inbidel fi traġedja wara li għal xi raġuni hi spiccat waqgħet gholi ta’ sular.

Persuni fil-post li tkellmu main-Nazzjon spjegaw ix-xokk kbir li kellhom fuqhom – b’xeni deskritti bħala ta’ qsim il-qalb u mumenti ta’ konfużjoni – bit-tim mediku jasal fil-post minnufih.

Madanakollu, l-isforzi taghhom kienu kollha ghal xejn…bil-mara tiġi ċċertifikata mejta fil-post.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.

Din kienet il-5 fatalità din is-sena fejn persuna waqgħet traġikament minn għoli. U f’hafna minn dawn il-kazi ghadhom ghaddejin anke l-investigazzjonijiet necessarji minn naha tal-OHSA.