Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li ta daqqa ta’ kanna lill-ġar tiegħu waqt barbeque

Raġel ta’ 37 sena minn Ħal Qormi ġie kundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati mill-Maġistrat Nadine Lia li ta daqqa ta’ kanna lill-ġar tiegħu li joqgħod fl-istess blokka ta’ appartamenti waqt li kien fuq il-bejt mal-familja tiegħu waqt barbeque. Mad-daqqa l-vittma storda u weġġa’ sew.

Il-vittma li finalment spiċċa biex ħafer lil Melvin Magri, ġarrab ġrieħi gravi f’inċident li seħħ fil-25 ta’ April 2020 fit-8.15pm. Huwa kien qed jiġi mixli wkoll li hedded raġel ieħor. Il-vittma spjega li l-inċident in kwistjoni sehh meta kien flimkien mal-mara tieghu u l-gar ta’ taħtu flimkien mal-mara tiegħu, binthom ta’ xi erba” snin u oħt il-mara tiegħu u kienu qed jagħmlu barbeque.

F’daqqa u l-hin, tela fuq il-bejt Melvin Magri, b’ħadida f’idu li dehret qisha kanna ta’ xi pied u nofs. L-imputat għadda biex ta’ daqqa b’din il-ħadida fuq il-‘picnic cooler’ u fuq il-barbeque. Ix-xhud stqarr li l-imputat beda jghid “Ħa nurikom min hu Alla” u x-xhud wieġbu li “l-affarijiet mhux hekk” u ma dan il-kliem l-imputat xejjirlu daqqa bil-kanna f’rasu u imbagħad fuq ġembu.

Rizultat ta’ dan, il-vittma kellu jmur ic-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana tant li kellu bżonn xi punti fuq moħħu. Ġie spjegat li l-imputat kellu aċċess ghal fuq il-bejt minħabba li huwa resident fl-istess blokka. Issa dan il-bejt imiss mat-terazzin tal-penthouse tax-xhud.

Fil-fehma tax-xhud, dan l-incident gie preċipitat minħabba li l-imputat ma qabilx mal-fatt li hu flimkien ma xi ġirien oħrajn ftehmu li jagħmlu xi għamara tal-pallets fuq il-bejt komuni sabiex ikun jista’ jitgawda aħjar l-istess bejt. Meta saret l-għamara fi #mien il-lockdown relatat mal-pandemija, l-imputat ma kien tkellem xejn u allura ix-xhud u xi sidien ohrajn assumew li dan ma kellux oġġezzjoni.

Ġie konċess li ġieli kien hemm xi protesti minn naħa tal-imputat u l-mara tiegħu dwar l-għamara iżda l-affarijiet kienu jitranġaw u dejjem spjegaw li setgħu jintużaw minn kulħadd u kienu temporanji minn natura tagħhom. In kwantu tal-ħsara mġarrba, ix-xhud stqarr li l-barbeque ma jistax jissewwa faċilment u skont stima li huwa kiseb, ir-replacement value tiegħu huwa ta’ €210.

Waqt il-kontro-ezami, il-parte civile qabel li l-imputat għandu washroom fuq il-bejt iżda nnega li l-għamajjar kienu b’xi mod qed jiżgombraw id-dħul tagħha. Ikkonceda li qatt ma kien ħa permess mingħand l-imputat biex titpoġġa l-għamara fuq il-bejt. Innega li hekk kif ra lill-imputat qabad sikkina f’idu.

Il-vittma ddikjara li qed jaħfer lill-imputat u li jixtieq li l-każ jieqaf. Iddikjara ukoll li kien ġie kkumpensat tal-ħsara li ġarrab mill-imputat u huwa għalhekk sodisfatt b’dak il-kumpens. L-Ispettur Roderick Agius, li investiga l-każ, xehed li l-akkużat qallu li ra lill-vittma b’sikkina f’idu imma l-vittma ċaħad.

Minbarra x-xhieda l-Maġistrat Lia qieset ukoll l-istqarrija li l-akkużat ta lill-Pulizija fejn insista li ma riedx iweġġa’ lill-ġar u li dak li ġara għax waqa’ u mhux għax ried jagħtih daqqa. Hija kkunsidrat ukoll rapport li kien sar lill-Pulizija dwar bar li wħud mill-ġirien fl-istess blokka ddeċidew li jarmaw fuq il-komun tal-bejt u bih dejqu ġirien oħra.

Il-Maġistrat Lia sostniet li mir-rapport lill-Pulizija jirriżulta li dawk li kienu mal-vittma kkonfermaw il-verżjoni tiegħu dwar kif seħħ l-inċident. Il-Qorti sabet lil Magri ħati li kkaġuna ġrieħi gravi lill-vittma u meta ġiet biex tagħti s-sentenza qieset li l-vittma u l-ġar l-ieħor mhedded riedu jwaqqfu l-proċeduri kontra l-akkużat u rranġaw ir-relazzjoni bejniethom.

Fl-istess waqt innutat li mill-kondotta tal-akkużat jirriżulta li din ma kinitx l-ewwel darba li rrikorra għall-ġlied u kien diġà kkaġuna ġrieħi lil persuni oħra. Il-Qorti qalet li ma ġiex ippruvat li Magri sar riċediv.