Lokali

Xagħri b’fawna u flora protetta daqs sitt grawnds tal-futbol se jimtela’ bil-pannelli

Għal darb’oħra, il-Gvern qed jerġa’ jinjora l-bżonn tal-protezzjoni tal-ftit artijiet verġni li għad hawn f’pajjiżna. Dan hekk kif minflok qed jagħmel dan Ministri tal-Labour u membri fil-Kabinett ta’ Abela allegatament immanipulaw u warrbu d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar biex jaqdu lil tal-qalba.

Dan hekk kif xagħri li jinsab biswit Triq San Pietru, fl-Imġarr se tkun qed tittieħed għal pannelli solari fuq żona ta’ 43,000 metru kwadru, ekwivalenti għal sitt grawnds tal-futbol… żona fejn wieħed isib ħitan tas-sejjieħ, siġar tal-ħarrub, fawna u flora protetta, kolonji tan-naħal u fdalijiet arkeoloġiċi ta’ żmien ir-Rumani.

Jidher li l-applikant biddel il-pjanijiet li kienu saru wara dawk li qed jiġu rrapportati bħala “diskussjonijiet” ma’ xi Ministri… liema appell għandu jsir fuq pjanti eżatti kif ġew preżentati lill-Bord tal-Ippjanar.

Ftit ġimgħat ilu, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet irrifjutat dan l-iżvilupp… b’xi Ministri tal-Labour jidhru li daħlu fiha biex jinfluwenzaw id-deċiżjoni.

Għaldaqstant jekk dan iseħħ ċertament li l-wegħda elettorali u l-għajta li għamel Robert Abela matul il-kampanja elettorali li kien se jkun tarka għall-ambjent naturali tal-Gżejjer Maltin…se tkun qed tieħu majnata oħra.

Bid-domanda hija waħda u inevitabbli – Abela se jżomm kelmtu u jġib lill-ambjent l-ewwel u qabel kollox…jew se jkompli jneffaħ il-bwiet tal-qalba?