Lokali Parlament

ANALIŻI: X’ġara s’issa fil-PAC?

Leġislatura ġdida tfisser il-ħatriet mill-ġdid tal-Kumitati Parlamentari. Filfatt fis-seduta Parlamentari tat-Tnejn li għadda l-Viċi Prim Ministru Chris Fearne ressaq numru ta’ mozzjonijiet li fihom elenka min se jkunu d-Deputati fil-Kumitati Parlamentari. Dwarhom kien hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.

Mingħajr dubju li l-iktar kumitat li ġibed attenzjoni fl-aħħar xhur kien dak tal-Kontijiet Pubbliċi, li fl-aħħar laqgħat tiegħu kien qed jinvestiga rapport dwar il-kuntratt tal-Electrogas. Dan b’mod partikolari meta deher quddiem il-PAC l-eks Ministru u eks Deputat Mexxej tal-Labour Konrad Mizzi li wara numru twil ta’ sigħat jagħmel l-‘oral presentation’, baqa’ ma wieġeb għal kwazi ebda domanda li saritlu. Dan apparti l-fatt li darba minnhom, Konrad Mizzi qabad u telaq ‘il barra f’nofs laqgħa tal-PAC.

Wieħed irid ifakkar kif id-Deputati tal-PN fil-kumitat kienu jagħmlu numru ta’ domandi biex toħroġ il-verità dwar il-kuntratt tal-Electrogas, filwaqt li l-membri tal-Gvern spiss kienu jaġixxu b’mod stramb quddiem allegazzjonijiet serji dwar kuntratt li qed jitħallas minn flus il-poplu.

F’laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PN li saret it-Tlieta filgħaxija, kien hemm qbil li fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi l-membri tal-Oppożizzjoni se jipproponu li tissokta l-investigazzjoni dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt tal-Electrogas.

Matul din il-leġislatura, il-PAC se jitmexxa mid-Deputat tal-PN Darren Carabott li kien maħtur Chairperson. F’isem il-PN se jkun hemm il-Viċi Kap David Agius u d-Deputat Graham Bencini li lkoll flimkien se jkunu qed jitolbu biex din l-investigazzjoni tissokta mal-ewwel opportunitá. Għal darb’oħra, il-Partit Laburista se jkun rappeżentat f’dan il-Kumitat minn Glenn Bedingfield, Clayton Bartolo u Alex Muscat. Għal din il-leġislatura, magħhom jingħaqad il-Whip tal-Labour Andy Ellul.