Internazzjonali

Ċina: Tiġrif ta’ ajruplan li seta’ kien intenzjonat

Ħarġu indikazzjonijiet li l-ajruplan taċ-China Eastern Airlines li ġġarraf f’Marzu li għadda x’aktarx li nqered bi ħsieb u skont l-intenzjoni ta’ persuna li kienet fil-kabina tal-pilota.

Ir-rapporti mill-Istati Uniti qalu li l-ajruplan –tat-tip Boeing 737-800 – f’daqqa waħda beda nieżel lejn l-art u sal-ħin meta ġġarraf  f’zona bejn l-ibliet Ċiniżi ta’ Kunming u Guangzhou. Intant, spiċċaw mietu l-132 persuna fuq l-ajruplan – f’dan il-każ għexieren ta’ passiġġieri flimkien mal-membri tal-ekwipaġġ.

L-investigaturi, s’issa, ma sabu l-ebda difetti tekniċi li setgħu kkaġunaw it-tiġrif tal-ajruplan u skont ma qed tindika l-evalwazzjoni preliminarja.

Intant, rapport tal-Wall Street Journal  qal li l-ajruplan kien qabad direzzjoni lejn l-art fuq direttiva speċifika ta’ xi ħadd li kien fil-kabina tal-Boeing għalkemm ma ntqalx jekk dan kienx ġej mill-pilota nnifsu.

Id-data mill-kaxxi s-suwed tal-Boeing, sadanittant, issuġġeriet li l-ajruplan kien iggwidat f’angolu vertikali waqt li beda javviċina l-art b’veloċità kbira. Sadanittant, il-ġurnalisti ma’ ABC News, ukoll qalu li t-traġedja x’aktarx li seħħet minn azzjoni intenzjonali.