Lokali Qorti

€1,000 danni favur l-Avukat Brincat fuq malafama mill-Malta Today

L-Imħallef Mark Chetcuti rrevoka deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati li ma kinitx sabet lid-direttur eżekuttiv tal-Malta Today Saviour Balzan ħati li mmalafama lill-eks deputat Mexxej Laburista Joe Brincat f’artiklu li jsemmi l-arrest tiegħu fl-Italja aktar minn 33 sena ilu. Huwa ordna lil Balzan biex iħallas is-somma ta’ elf ewro f’danni lill-Avukat Brincat.

Balzan kien irrakkonta quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello kif, fl-1987, Brincat kien arrestat fin-Nofsinhar tal-Italja wara li nqabad fil-pussess ta’ ġojjelli tal-kuntrabandu. Il-każ ta’ malafama tressaq minn Brincat fuq opinjoni ta’ Balzan fil-MaltaToday.

Balzan kien irrakkonta l-ġrajjiet tal-1987, meta Brincat ġie arrestat fl-Italja. Balzan qal li l-artikoli oriġinali fl-istampa fl-1987 kienu indikaw biċ-ċar l-isforzi li għamel il-mibki Guido de Marco, dak iż-żmien viċi prim ministru, biex jintervjeni mal-awtoritajiet Taljani biex Brincat jinħeles mill-ħabs.

Balzan kien qal ukoll li dakinhar it-Times of Malta kienet irrapporta l-kummenti ta’ de Marco fejn għamilha ċara li se jkun qed jitkellem mal-kontropartijiet Taljani biex jintervjeni fil-każ ta’ Brincat. Balzan ta rendikont dettaljat ta’ kif il-pulizija Taljana kienet għarrfet lil Brincat hekk kif mar f’junk yard biex jispezzjona karozza bil-ħsara ta’ nazzjonalità Malti Colin Shires.

Shires kien ħabat bil-karozza tiegħu u kien spiċċa fit-taqsima tal-kura intensiva fi sptar Taljan. Skont Balzan, il-mara ta’ Brincat u ta’ Shires ħadu il-ġojjellerija u l-flus moħbija mhux iddikjarati mill-karozza mkissra li kienet qed tinżamm taħt kustodja ġudizzjarja, il-pulizija Taljana kienet arrestathom it-tnejn.

Balzan kien qal li dan kollu seta’ jiġi vverifikat mir-rapporti tal-ANSA fl-1987, li kienu wkoll ikkwotati u ċċitati fil-Qorti. Brincat eventwalment inħeles mill-ħabs biss minħabba l-intervent tal-gvern Malti, speċifikament dak ta’ Guido de Marco, xehed Balzan.

Sentejn wara l-istess qorti Taljana sabet lil Brincat ħati u kkundannatu erba’ xhur ħabs u multa ta’ 400,000 Lira Taljana. Brincat ma kienx tressaq il-qorti minkejja d-dikjarazzjoni ta’ de Marco sentejn qabel li kien se jiggarantixxi għar-ritorn ta’ Brincat l-Italja biex jiffaċċja l-ġustizzja.

Balzan xehed li dak iż-żmien, l-istampa kollha Maltija kienet ippruvat ħafna biex ma tirrapportax il-każ u kien hemm min bħal Dun Joe Borg – illum chairperson tal-Beacon Media Group tal-knisja Maltija – li ddefendewh. Meta dak iż-żmien il-gazzetta li kien involut fiha Balzan, Alternattiva, ippubblikat is-sentenza tal-Maġistrat Naplitan Lorenzo di Napoli, Brincat kien ippreżenta tliet kawżi ta’ malafama, li sussegwentement tilef.

Il-Qorti tosserva li huwa minnu li fiż-żmien meta kien ġie arrestat l-appellant fis-snin tmenin kien ġie rraportat li politiċi Maltin kienu ser jipprovaw jottjenu r-rilaxx talappellant permezz ta’ intervent politiku. Jirriżulta pero minn dokumenti pubbliċi, ossia deċiżjonijiet ġudizzjarji, li l-appellant kien ġie rilaxxat mhux wara xi ftehim politiku, iżda għaliex fit-28 ta’ Diċembru 1987 il-Qorti Distrettwali ta’ Cosenza kienet ordnat il-ħelsien immedjat tal-appellant wara li sabet li ma kienx hemm biżżejjed provi kontra tiegħu. Din id-deċiżjoni kienet ġiet appellata mill-prosekutur, iżda l-Qorti ta’ Kassazzjoni kienet ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Cosenza fl-24 ta’ Settembru 1992.

Il-Qorti tal-Appell qalet li l-arrest ta’ Brincat kien evenwalment dikjarat leżiv tad-drittijiet fondamentali tiegħu permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ewropea datata 26 ta’ Novembru 1992. Jirriżulta wkoll li għalkemm Brincat kien inizjalment instab ħati ta’ riċettazzjoni u kkundannat għal erba’ xhur ħabs sospiżi, din is-sejbien ta’ ħtija kien ġie revokat mill-Qorti tal-Appell ta’ Catanzaro fil-21 ta’ Marzu 1991, u li kien ġie mixli minflok fuq akkuża li kien aċċessorju għal reat ta’ kontrabandu.

Sussegwentement, fid-19 ta’ Ottubru 1994 il-Qorti tal-Appell ta’ Catanzaro illiberat lil Brincat mill-akkuża dedotta kontra tiegħu, wara li sabet li ma kien hemm l-ebda kontrabandu li seta’ kien involut fih. Huwa kien imbagħad intavola proċeduri quddiem il-Qorti Ewropea, u fl-4 ta’ Marzu 1998 l-Qorti Ewropea sabet lill-Istat Taljan responsabbli ta’ leżjoni tad-drittijiet fondamentali tal-Avukat minħabba dewmien irraġonevoli fil-proċeduri kriminali kontra tiegħu.

Dan ifisser għalhekk li sa ċirka 11-il sena wara l-arrest tiegħu, u 20 sena qabel, l-avukat Brncat kien ġie liberat minn kull akkuża kontra tiegħu, u kemm l-arrest tiegħu u kif ukoll il-proċeduri kriminali kien ġew dikjarati leżivi tad-drittijiet fondamentali tiegħu.

L-ebda aċċenn għal dan pero ma sar minn Saviour Balzan, li llimita ruħu li jagħti opinjoni bbażata fuq artikoli ppublikati xi 30 sena qabel. Il-Qorti qalet li kellu kull dritt li jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar il-fatt li politiċi Maltin intervjenew, jew pruvaw jintervjenu.

Huwa kien ġie mixli bil-kommissjoni ta’ reati fl-Italja waqt li kien Deputat Mexxej tal-Oppożizzjoni, u jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar kif skont hu dan jaffetwa l-idonjeta tal-appellat biex jitkellem dwar governanza tajba sal-llum ilġurnata. Pero fil-fehma konsiderata ta’ din il-Qorti, fiċ-ċirkostanzi tal-każ Balzan ma kellux dritt jikteb li Brincat kien jispiċċa jqatta’ snin il-ħabs li kieku ma kienx għal intervent politiku.

Balzan ma jistax jinħeba wara publikazzjoni ta’ 30 sena ilu u jippretendi li ma kellu l-ebda obbligu li jivverifika x’kien ġara mill-każ, għaliex ma jeħtieġ l-ebda tiġbid tal-imaġinazzjoni minn naħa ta’ Balzan biex jasal għall-konklużjoni li 30 sena wara l-publikazzjoni li kien qed jibbaża ruħu fuqha, seta’ kien hemm xi żviluppi fil-każ ta’ Brincat.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Appell qalet li jeħtieġ li jiġu likwidati d-danni dovuti lil Brincat. Fil-likwidazzjoni tad-danni, il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni fatturi li Balzan ma eżerċitax id-diliġenza mitluba qabel ma ppublika d-dikjarazzjoni, u anke fix-xhieda tiegħu baqa’ jinsisti li ma kellu l-ebda obbligu li jivverifika l-fatti li fuqhom kien qiegħed jibbaża l-opinjoni li esprima fl-artikolu in kwistjoni.

Il-fatt li Balzan irrifjuta li jippublika kjarifika wara li Brincat ġibed l-attenzjoni tiegħu għall-fatt li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest u kien ġie misjub mhux ħati permezz ta’ sentenzi ġudizzjarji, l-fatt li Brincat ma ressaq l-ebda prova li l-publikazzjoni kkaġunat ħsara lir-reputazzjoni tiegħu.

Fattur ieħor kien l-impatt li s-somma akkordata mill-Qorti jista’ jkollha fuq is-sit elettroniku u l-ġurnalist, u l-importanza li s-sentenza tal-Qorti ma jkollhiex l-hekk imsejjaħ “chilling effect” fuq il-ġurnaliżmu. Meħud dawn il-fatturi kollha in konsiderazzjoni, il-Qorti tqis li fiċ-ċirkostanzi l-appellat għandu jħallas lil Brincat is-somma ta’ €1,000 bħala danni morali għall-malafama sofferta minn Brincat.