Ekonomija Kummerċ Lokali

F’April, il-prezzijiet tal-prodotti komplew jisparaw ‘il fuq

Ċifri maħruġa mill-NSO jikkonfermaw li f’April l-Indiċi tal-Prezzijiet żdied minn 4.5 fil-mija għal 5.4 fil-mija. Dan b’riżultat dirett tal-isplużjoni fil-prezz tal-ikel u x-xorb, il-prezzijiet fir-ristoranti u anke’ prezzijiet tas-servizzi tal-manutenzjoni tad-dar.

L-informazzjoni maħruġa llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tindika li l-akbar żieda fuq Marzu kienet fil-prezzijiet tal-lukandi u r-ristoranti. Fil-fatt, f’April, dawn żdiedu bi 15.7 fil-mija.

L-NSO juri kif meta mqabbla ma’ Marzu, il-prezzijiet ta’ ħwejjeġ u żraben żdiedu b’9.5 fil-mija, filwaqt li l-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku żdied b’1.5 fil-mija.

L-istess statistika tikkonferma li l-għoli tal-ħajja ilu jiżdied b’mod kostanti xahar wara l-ieħor għal xejn anqas minn sena u nofs.