Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

Il-Fond Soċjali għall-Klima tal-MEP David Casa jirċievi appoġġ qawwi f’vot kruċjali

Leġislazzjoni ewlenija, li qed titmexxa mill-MEP David Casa, irċeviet appoġġ b’saħħtu f’vot kruċjali li ttieħed illum fil-Parlament Ewropew.

Il-vot fil-Kumitat konġunt EMPL-ENVI wasal wara xhur ta’ negozjati biex jinstabu kompromessi fuq partijiet ewlenin tal-abbozz ta’ regolament dwar il-Fond Soċjali għall-Klima li se jwassal biex ikun hemm miljuni investiti fid-djar Maltin matul l-għaxar snin li ġejjin.

“Ninsab kuntent nara li l-kompromessi li nnegozjaw ġew aċċettati fit-totalità tagħhom,” qal Casa. “Ir-rispons li rċevejna mingħand il-kollegi, kien li l-ħidma tagħna fuq il-Fond Soċjali għall-Klima tejbet ħafna dak li pproponiet il-Kummissjoni Ewropea. Din il-fehma illum ġiet imsarrfa fil-prattika, fl-appoġġ muri fil-votazzjoni.”

Aktar minn 100 ewroparlamentari mill-Kumitati EMPL u ENVI tal-Parlament Ewropew ivvutaw fuq il-proposti li saru minn Casa u l-ko-rapporteur tiegħu Esther de Lange f’abbozz ta’ rapport dwar ir-regolament ippreżentat aktar kmieni din is-sena.

Fost il-proposti aċċettati kien hemm l-appoġġ estiż għall-mobilità ekoloġika, li jipprovdi għal appoġġ finanzjarju biex jiġi inċentivat l-aċċess għal vetturi privati b’emissjonijiet żero u trasport pubbliku mtejjeb u affordabbli.

Fuq livell Ewropew, dan il-Fond jagħti biljuni lir-reġjuni madwar il-kontinent Ewropew. Aħna stinkjana kemm flaħna biex niżguraw li r-reġjuni kollha jibbenefikaw minn appoġġ rilevanti – inkluż Malta. Huwa li għal din ir-raġuni, li ninsab kuntent li rċevejna appoġġ kbir fuq dan il-fajl.

“Fil-każ ta’ Malta, filwaqt li l-emissjonijiet tat-trasport bit-triq huma l-inqas fl-Ewropa, qed jiżdiedu b’rata li tlaħħaq mal-ogħla rati li jeżistu. L-investiment fi trasport aktar ekoloġiku huwa prijorità ewlenija jekk Malta trid tnaqqas l-emissjonijiet tagħha fit-tul.”

Casa saħaq li l-familji u ċ-ċittadini jistgħu jibbenefikaw mill-Fond kif propost. Huwa semma l-pannelli solari, il-mobilità aktar ekoloġika, u l-insulazzjoni bħala ftit mill-eżempji tal-appoġġ previst mill-Fond.

Il-vot tal-lum jikkonferma l-appoġġ għal firxa ta’ proposti mmirati biex jitnaqqas l-impatt tal-miżuri tal-klima fuq iċ-ċittadini, u biex “jintroduċu teknoloġiji u prattiki aktar nodfa biex is-soċjetà tnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili.”

Il-Membri Parlamentari Ewropej appoġġaw il-proposti ta’ Casa u de Lange fid-definizzjoni tal-faqar tal-enerġija u l-mobilità fuq livell tal-UE, li se jirriżulta f’immirar aħjar għall-Fond u titjib fil-ġbir u r-rappurtar tad-data. Il-kumitat konġunt ikkonferma wkoll rabta aktar b’saħħitha bejn il-finanzjament tal-UE u l-impenji tal-istat tad-dritt.

David Casa huwa r-Rapporteur tal-EMPL għall-Fond Soċjali għall-Klima, fond ta’ bosta biljuni ewro li jifforma parti mill-Pakkett Fit-For-55, il-mezz ewlieni tal-Unjoni Ewropea biex jitneħħew gradwalment il-fjuwils fossili u tiġġieled it-tibdil fil-klima.

Casa rringrazzja lill-ko-rapporteur tiegħu u lill-Viċi President tal-PPE Esther de Lange għall-kooperazzjoni li wriet sa mill-bidu.