Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russja titlef mad-29,000 suldat mill-bidu tal-invażjoni

Ir-Russja qed tkompli ġġarrab telf ‘inkredibbli’ ta’ suldati u tagħmir tal-gwerra, tant li l-osservaturi qed iqabblu dawn disfatti ‘mat-telfiet militari li sofriet l-Armata Sovjetika fl-ewwel xhur ta’ meta l-qawwiet tal-Ġermanja Nażista kienu invadew lill-eks Unjoni Sovjetika f’Ġunju tal-1941.’

Is-sitwazzjoni kerha għall-Armati tar-Russja fl-Ukrajna ma tidhirx li għandha tmiem u meta r-Renju Unit qed isostni l-probabbiltà kbira li r-Russja tilfet terz tal-qawwiet tagħha li ilhom mill-24 ta’ Frar imexxu l-offensiva fuq it-truppi u ċ-ċivili Ukreni.

Sadanittant, kollox qed jindika li l-kampanja militari tar-Russi fil-lvant tal-Ukrajna tilfet mill-ispinta, tant li s-suldati ta’ Moska qegħdin jidhru ‘kważi weqfin u staġnati’ fil-madwar ta’ Luhansk u Donetsk, fir-reġjun tad-Donbas.

Jerġa’ aktar inkwetanti għall-Kremlin – u għall-President Russu Vladimir Putin – huma r-rapporti mill-uffiċjali tal-Ukrajna li talanqas 29,000 truppi nqatlu fl-Ukrajna mill-bidu tal-invażjoni. Filwaqt li dawn iċ-ċifri ma kenux ikkonfermati mis-sorsi indipendenti, l-uffiċjali għoljin tal-Armata Ukrena tennew li tilfu ħajjithom madwar 400 suldati tar-Russja fi spazju ta’ 24 siegħa biss.

Ir-Russi, s’issa, tilfet 1,250 tank tal-gwerra, 202 ajruplan militari, 167 ħelikopter, ‘il fuq minn 3,000 vettura militri u mas-600 sistemi tal-artillerija mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna ‘il hawn.

Intant, is-sorsi militari fl-Istati Uniti u pajjiżi oħrajn tal-Punent qalu li r-Russi, issa, qegħdin jirrealizzaw ‘għall-ispejjeż tagħhom’ kemm il-qawwiet Ukreni huma għadma iebsa, minbarra li avversarju formidabbli li qed jiġġieled għall-identità ta’ pajjiżu.