Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russja tkeċċi diplomati Franċiżi, Taljani u Spanjoli

Il-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin qal li qed ikeċċi 34 diplomati Franċiżi bħala ‘ritaljazzjoni’ għall-aħħar passi minn Franza.

Dawn id-diplomati ngħataw sa ġimgħatejn żmien ġimgħatejn biex jitilqu mill-pajjiż, bit-Tmexxija Russa qed tieħu aktar passi lejn il-pajjiżi li qed tqishom bħala ‘ostili’.

F’April li għadda, Franza kienet keċċiet 35 diplomati Russi bħala parti minn mewġa ta’ tkeċċijiet tad-diplomati tar-Russja mill-ibliet kapitali tal-Ewropa. Ftit taż-żmien wara, il-Gvern Franċiż kien iddikjara ‘persona non grata’ lil sitt aġenti tar-Russja li kienu qed jippużaw bħala diplomati u li jfisser li Franza irtiratilhom l-istatus diplomatiku.

U ftit tal-minuti ilu ħarġet l-aħbar li r-Russja spiċċat tkeċċi wkoll lil 24 ħaddiema mal-Ambaxxata Taljana f’Moska u 27 ħaddiema oħra mal-Ambaxxata Spanjola f’dik il-belt kapitali.

Il-Prim Ministru Taljan Mario Draghi ikkundanna dan il-pass mir-Russja u wissa li dawn l-azzjonijiet bl-ebda mod ma jridu jostakolaw il-mezzi għad-diplomazija li jistgħu ‘il quddiem iwasslu għall-paċi.