Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Tħassib dwar il-priġunieri wara l-assedju ta’ Mariupol

Il-battalja qalila għall-kontroll ta’ Mariupol spiċċat wara assedju devastanti ta’ kważi tliet xhur fuq din il-belt tal-port Ukrena.  Dan għandu jitqies bħala suċċess militari għar-Russi li mistennija jużaw Mariupol bħala ‘zona ta’ aċċess’ lejn il-penisola tal-Krimea – u meta r-Russi għandhom anki jikkontrollaw il-Baħar ta’ Azov, fejn kapaċi jżommu l-kunsinni essenzjali milli jaslu lill-Ukreni.

Il-Ministeru tad-Difiża Russu qal li mad-959 ġellieda Ukreni li ħarġu mill-kumpless industrijali ta’ Azovstal  (li serviet bħala l-aħħar linja ta’ difiża kontra r-Russi f’Mariupol) ittieħdu lejn territorju tal-Ukrajna li hu kontrollat mill-qawwiet tal-Kremlin.

Ir-Russja qalet li l-ġellieda se jkunu  trattati skont il-kriterji internazzjonali dwar il-priġunieri tal-gwerra. Iżda xi politiċi Russi insistew biex ma jsirx skambju ta’ priġunieri mal-Ukreni għaliex dawn, skont huma, jinkludu numru ta’ ‘kriminali Nażisti’.

L-Ukrajna sejħet għal skambju ta’ priġunieri fir-rigward tas-suldati li kienu evakwati mill-kumpless ta’ Mariupol, iżda d-destin ta’ dawn is-suldati għadu inċert u meta l-Ukreni, sal-bieraħ, lanqas ma kienu jafu kemm seta’ kien fadal ċivili f’dik il-faċilità.