Fi stqarrija l-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata Ħal Tarxien A.D. 1862 qalet li hekk kif il-pandemija battiet sew l-awtoritajiet neħħew ir-restrizzjonijiet kollha issa wassal biex jistgħu jerġgħu jibdew isiru l-festi tradizzjonali fl-irħula u fl-ibliet tagħna u bla ebda dubju tefgħu dawl fuq dak li se jiġri fil-festa titulari ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Tarxien.
Il-festa tal-Lunzjata qed titqies bħala waħda minn tal-ewwel festa sħiħa u kompluta li ser issir normali fi żmienha, matul l-aħħar ġimgħa ta’ Mejju, bla ebda restrizzjonijiet ta’ xejn wara l-Festa ta’ San Publju fil-Floriana u dik ta’ San Ġużepp fir-Rabat.
L-istqarrija kompliet li l-istess bħal ma kien isir qabel il-pandemija. Għaldaqstant hemm stennija kbira ħafna għall-festa tal-Lunzjata, mhux biss mid-dilettanti u s-segwaċi tal-festi Maltin, iżda wkoll fost it-Tarxiniżi stess, kif ukoll mill-membri u l-voluntiera fi ħdan l-erba’ għaqdiet li jorganizzaw il-festi esterni.
Dan għaliex waqt li s-sena l-oħra l-festa kellha ssir biss b’mod intern fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħal Tarxien minħabba l-pandemija, din is-sena l-festa ser issir b’mod sħiħ normali kif sar sal-2019. Dan jinkludi l-ħruġ tal-vara min-niċċa l-Ħamis tal-ġimgħa ta’ qabel jum il-festa (19 ta’ Mejju), meta tibda n-novena tal-Lunzjata fil-Knisja, ġimgħa sħiħa marċi bil-briju, il-marċ popolari msejjaħ tal-Anġlu li jsir il-Ġimgħa jumejn qabel nhar il-festa (27 ta’ Mejju), ħarqa kbira ta’ logħob tan-nar tal-ajru u tal-art lejliet il-festa (28 ta’ Mejju), u l-purċissjoni bil-vara tal-Lunzjata f’jum il-festa l-Ħadd filgħaxija (29 ta’ Mejju).
//= $special ?>