Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq attentat ta’ serq ta’ żewġ karozzi

Bormliż ta’ 30 sena nżamm arrestat wara li ġie mixli li fi Frar li għadda prova jisraq żewġ karozzi. Leslie Farrugia li qal li xogħlu hu li jbigħ il-ġelati, wieġeb mhux ħati għall-akkużi li prova jisraq karozza minn Wied il-Għajn u oħra minn Tax-Xbiex u li huwa riċediv.

Id-difiża mmexxija mill-avukat tal-għajnuna legali, Martin Matthew Farrugia talbet għall-ħelsien mill-arrest. Madankollu, din it-talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni għax qalet li l-imputat mhux kredibbli u għax għandu problema tad-droga.

Il-Prosekuzzjoni qalet li barra mill-ħabs huwa mhux se jindirizza l-problema tad-droga li għandu. Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia li kienet qed tippresedi l-każ ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest wara li qablet mat-teżi tal-prosekuzzjoni, dik li Farrugia mhux kredibbli.