Lokali Qorti

Każ C-Planet: Attivist tal-Labour jiftaħ il-kanuni fuq attivist tal-istess partit

Ivan Vladimir Buttigieg (ritratt), attivist kbir tal-Partit Laburista u eks Kap Eżekuttiv ta’ Untours Limited, kumpanija sussidjarja tal-GWU ressaq protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra Philip Farrugia, attivist ieħor tal-PL peress li riċentament dan kien żvela fil-Qorti li huwa kien għadda ‘database’ dwar records fuq votanti Maltin, miġbura mill-Partit Laburista lill-kumpanija tal-IT li spiċċat naqset milli tiżgura s-sigurtà ta’ din id-‘database’.

Buttigieg ippreżenta żewġ protesti ġudizzjarji, waħdu f’ismu u waħda f’isem il-kumpanija tiegħu fejn talab biex tittieħed azzjoni kriminali kontra Farrugia li kien semmieh fil-Qorti. Buttigieg kien ukoll membru tal-kumitat eżekuttiv tal-Partit Laburista u kandidat għall-elezzjoni ġenerali fl-elezzjoni tal-2013 u involut mill-qrib fit-tmexxija tal-kampanja elettorali tal-Partit Laburista.

Minn naħa tiegħu Farrugia, huwa eks manager ta’ One Productions u ħaten id-Deputat Laburista u eks President tal-Partit Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi, kien irrikonoxxa wkoll is-sejba tal-IDPC li d-database kienet intużat għal klijenti oħra ta’ C-Planet iżda qal li dan ġara “. darba biss”.

Buttigieg, li qed jiċħad dak li qal Farrugia fuqu ilu attivist tal-Partit Laburista u kien wieħed mill-fundaturi tal-għaqda tal-politika studenteska affiljata mal-Labour, Pulse meta kien student universitarju fl-1997. Mill-2013 huwa nħatar f’numru ta’ karigi fis-settur pubbliku fosthom direttur tal-Bord tal-Koperattivi fejn serva flimkien ma’ mart il-Prim Ministru Robert Abela, Lydia Abela.

Ivan Buttigieg issa qed imexxi l-konsulenza tiegħu tal-assigurazzjoni Mulberry li topera mit-torrijiet A3, l-istess bini fejn qabel kien ħadem għal Untours. L-uffiċċju Mulberry ta’ Ivan Buttigieg jintuża wkoll minn Joseph Muscat biex jiltaqa’ man-nies. Ivan Buttigieg huwa ħabib kbir ta’ Joseph Muscat.

Filwaqt li qed jiċħad dak kollu li Farrugia kien qal kontrih, Buttigieg u l-kumpanija tiegħu ressqu protesti ġudizzjarji kontra Philip Farrugia u C-Planet (IT) Solutions, fejn ċaħdu li taw lil Farrugia ‘database’ li fiha informazzjoni personali dwar kull min hu mniżżel fir-reġistru elettorali ta’ Malta.

Buttigieg bħalissa huwa d-direttur maniġerjali u ko-proprjetarju ta’ Mulberry. Buttigieg qed jinsisti li Farrugia issa jrid jiffaċċja akkużi kriminali talli għamel akkużi kalumnjużi, li gideb fi proċedimenti ċivili, ħa ġurament falz u ffabbrika evidenza.

Appella wkoll għall-interdizzjoni ta’ Farrugia. Sid C-Planet, Farrugia kien xehed il-ġimgħa li għaddiet quddiem l-Imħallef Francesco Depasquale fl-azzjoni kollettiva mressqa kontra C-Planet Solutions Ltd, minn mijiet ta’ persuni assistiti mill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia u Repubblika.

It-talba għad-danni kienet ġiet ippreżentata wara li ġie rrappurtat, f’Marzu tal-2020, li ‘database’ fiha 337,384 record ta’ informazzjoni personali tal-votanti Maltin kienet ilha aċċessibbli b’mod liberu ‘online’ għal mill-inqas sena. Din id-data, li kienet tinkludi l-ismijiet, l-indirizzi, id-dettalji tal-karta tal-identità, id-dati tat-twelid, in-numri tat-telefon fissi u tal-mobile kif ukoll referenza għall-orjentazzjoni politika jew preferenzi tal-vot, allegatament tħallew esposti fuq l-internet minn C-Planet.

Waqt xhieda li kien ta, Farrugia kien qal lill-Qorti li Untours Ltd, sussidjarja tal-GWU, kienet qabditu biex jiddisinja Management software u li Ivan Buttigieg kien ta lil C-Planet id-database għal dan il-għan. L-avukat Arthur Azzopardi ffirma l-protest ġudizzjarju ta’ Buttiegieg, filwaqt li l-avukat David Bonello iffirma dak ippreżentat minn Mulberry Insurance Brokers Ltd.