Internazzjonali

L-Indja: Jinħeles ħabsi li kien ikkundannat għall-qtil tal-Prim Ministru Gandhi

Il-Qorti Suprema tal-Indja ħelset wieħed mill-ħabsin li fl-1991 kienu involuti fl-assassinju tal-eks Prim Ministru Indjan, Rajiv Gandhi.

L-imputat,AG Perarivalan, kien ilu l-ħabs għal dawn l-aħħar 30 sena u meta fl-1998 kien ikkundannat għall-mewt b’konnessjoni mal-qtil u liema sentenza, wara, inbidlitlu għal priġunerija.

Dan l-imputat kien spiċċa arrestat fl-età ta’ 19-il sena u nstab ħati li kien kiseb il-komponenti għall-bomba li ntużat fil-qtil ta’ Rajiv Gandhi.

L-eks Prim Ministru Gandhi kien spiċċa assassinat minn aggressur suwiċida – f’dan il-każ mara – li tajjret l-isplussivi ta’ fuqha waqt li Gandhi kien qed jindirizza rally politiku fl-Istat ta’ Tamil Nadu.

Il-qtil ta’ Gandhi qed jitqies bħala ritaljazzjoni talli hu, fl-1987, kien bagħat it-truppi Indjani għaż-żamma tal-paċi fis-Sri Lanka.