Internazzjonali

L-Iżvezja u l-Finlandja japplikaw formalment għal sħubija fin-NATO

L-Iżvezja u l-Finlandja – it-tnejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u li kien ilhom is-snin jippersistu bil-politika tan-newtralità – dalgħodu ssottomettew formalment l-applikazzjonijiet rispettivi biex jissieħbu fl-Alleanza tan-NATO.

Is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal li dan hu mument storiku għall-Alleanza u li l-isħubija taż-żewġ pajiżi għandha tkattar l-impenji lejn is-sigurtà tal-pajjiżi-membri li kapaċi jispiċċaw il-mira ta’ aggressur.

Il-Parlamenti tal-Iżvezja u l-Finlandja, fil-bidu tal-ġimgħa, ivvutaw favur l-applikazzjoni għall-isħubija fin-NATO minħabba ‘l-interessi tas-sigurtà immedjati’. Dan ukoll meta l-Finlandja qed taqsam fruntiera twila — mill-art u mill-baħar — mar-Russja.

Il-proċess għall-isħubija, f’dan il-każ, kapaċi jitħaffef b’sistema ta’ fast-tracking – u mhux eskluż li l-Finlandja u l-Iżvezja jsiru membri uffiċjali tal-Alleanza fi kwistjoni ta’ ġimgħat. Madankollu, il-pass storiku jeħtieġ l-appoġġ tat-30 Stati membri tan-NATO, bir-ratifika kapaċi ddum sena għall-konklużjoni.

Intant, it-Turkija għadha qed topponi l-isħubija tal-Finlandja u l-Iżvezja fin-NATO. Il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, qal li qed jistenna li l-alleati tan-NATO jifhmu l-preokkupazzjoni ta’ pajjiżu dwar is-sigurtà waqt li rrepeta li d-delegazzjonijiet tal-Finlandja u l-Iżvezja mgħandhomx jivvjaġġaw lejn Ankara f’tentattiv biex jibdlu l-ħsieb tiegħu.

Erdogan kompla li l-Iżvezja mgħandhiex tistenna li t-Turkija tapprovalha l-isħubija fin-NATO ‘mingħajr ma tibgħat lura t-terroristi li sabu refuġju fl-artijiet tagħha’. Dan meta t-Turkija qed takkuża lill-Iżvezja u l-Finlandja b’li qed iżommu militanti tal-grupp armat PKK ( separatista) tal-Kurdi u li Ankara tqishom bħala elementi ta’ organizzazzjoni terroristika.