Futbol Sport

L-MFA se tkun qed tqassam ‘il fuq minn mitt elf ewro lill-klabbs kollha

Il-Malta Football Association se tkun qed tqassam ‘il fuq minn mitt elf ewro lill-klabbs kollha, bħala parti mill-inizjattiva ‘Development Pot’ li l-istess assoċjazzjoni kienet introduċiet għall-istaġun 2018/19. Din l-iskema finanzjarja hi mmirat biex jippromwovi t-talent lokali, li nirreferu għaliħ bħala ‘homegrown’, billi jħeġġeġ lill-klabbs biex jallokaw aktar ħin tal-logħob lil plejers żgħażagħ. Din l-iskema ta’ żvilupp se tkompli tissaħħaħ mill-istaġun 2023-24 meta se ssir obbligatorja għall-klabbs fl-ogħla diviżjonijiet tal-kampjonat nazzjonali li fil-formazzjoni inizjali tal-ewwel ħdax tagħhom, irid ikollhom plejers żgħażagħ u li huma ‘homegrown.’

L-ammont ta’ aktar minn mitt elf ewro, għall-istaġun li għadu kemm intemm, u li jkopri l-klabbs tad-diviżjonijiet kollha, kien żvelat waqt l-aħħar laqgħa tal-Eżekuttiv tal-MFA, li saret il-bieraħ wara nofs in-nhar u li tmexxiet mill-President tal-assoċjazzjoni, Bjorn Vassallo. Waqt din il-laqgħa sar magħruf li l-klabbs tal-Kampjonat Premier se jkunu qed jieħdu madwar €50,000 bejnithom, bl-akbar ammonti se jkunu qed imorru għand Floriana FC u Valletta Football Club rispettivament. Dawn it-tnejn kellhom l-akbar ammont ta’ presenzi ta’ plejers homegrown u li uma taħt il-21 sena.Il-klabbs fil-National Challenge League, se jkunu qed jieħdu bejnithom aktar minn €30,000, b’San Ġwann FC hu l-klabb li se jgawdi mill-akbar ammont ta’ flus wara li kellhom l-akbar ammont ta’ presenzi ta’ plejers taħt id-19-il sena, segwiti minn Pietá Hotspurs FC. Fir-rigward ta’ klabbs mill-National Amateur League, l-ammont jissupera ukoll it-€30,000, b’Qormi F.C. u Santa Venera Lightnings FC huma l-aktar żewġ klabbs li kellhom presenzi ta’ plejers homegrown taħt id-19-il sena. Is-somma globali li trid titħallas lill-klabbs domestiċi fit-tliet diviżjonijiet għall-istaġun 2021-22 hija ta’ €111,000.