Ekonomija Lokali

Nistgħu nistennew li “l-anzjani jiġu affetwati”

L-għoli tal-ħajja żgur li qed jaffettwa lil kulħadd iżda b’mod partikolari lill-anzjani. Studju ta’ Caritas Malta wera kif xirja ta’ prodotti bażiċi tal-ikel għal familja ta’ erba’ persuni żdiedet b’€100 fix-xahar meta mqabbel ma’ sentejn ilu.

Dwar l-għoli tal-ħajja, tkellimna mal-Ministru tal-Anzjani JoeEtienne Abela li saħaq li “l-anzjani tagħna bħal kull faxxa oħra tas-soċjetà, l-għoli tal-ħajja jista’ jaffetwahom. Kif nafu kien hemm rapporti riċenti tal-Caritas li kienu qed jinfurmawna bil-concern tagħhom. Il-Caritas kumbinazzjoni se niltaqgħu magħhom ġimgħa oħra.”

Dan l-istudju tal-Caritas, li l-Gvern se jiltaqa’ magħhom b’kumbinazzjoni, sar fi Frar u għalhekk is-sitwazzjoni issa, bil-Gwerra fil-Lvant tal-Ewropa, kompliet tigrava din is-sitwazzjoni. Dan spjegah il-Ministru tal-Anzjani: “L-għoli tal-ħajja kif għidna għandu x’jaqsam mad-dinja ħierġa minn Pandemija. Bħalissa kif kulħadd jaf hemm gwerra li qed taffettwa s-supply ta’ affarijiet bażiċi. Li l-anzjani jafu jiġu affetwati, hija xi ħaġa li nistgħu nistennewha.”

Fid-dawl ta’ dan kollu, staqsejna lill-JoeEtienne Abela x’se jkun qed jagħmel il-Gvern biex jgħin b’mod dirett ħalli jittaffa dan il-piż fuq il-familji Maltin. Il-Ministru qalilna: “Il-Gvern tagħna għamel l-almu tiegħu biex kemm jista’ jkun jgħolli l-pensjonijiet u ukoll permezz ta’ inċentivi monetarji li rċevew l-anzjani fl-aħħar ġimgħat.”

Mistoqsi minn Net News jekk dawn tal-aħħar humiex biżżejjed għal dak li qed naraw jiġri bl-għoli tal-ħajja, Abela qal: “Bħalissa, is-sitwazzjoni, speċjalment f’pajjiżna hija stabbli għax il-Gvern qed jieħu miżuri sabiex il-prezzijiet jibqgħu kontrollati, mhux ikel biss, anke żejt, fjuwil u elettriku. Jien naħseb li l-Gvern qed jieħu approach ħolistiku biex il-prezzijiet f’pajjiżna jibqgħu kkontrollati kif inhuma”

Hawnhekk, staqsejna lill-Ministru jekk il-Gvern hux se jieħu miżuri oħrajn jekk din il-pjaga fuq il-poplu Malti u Għawdxi tkompli tikber. JoeEtienne Abela qal: “Il-Gvern tagħna, kull meta kien hawn problemi f’pajjiżna, riflessi minn problemi internazzjonali, sa issa dejjem għamel l-almu tiegħu biex iżomm kontroll u m’għandix dubju li se jkompli jagħmel l-istess.” Madanakollu, dettalji dwar kif dan se jsir, ma ngħatajnix. Dan meta mill-istudju tal-Caritas, jidher car illi basket tal-ikel għal familja ta’ erbgħa ġie jiswa ftit anqas minn €700 meta l-istess basket – sentejn ilu – kien jiswa madwar €600.

Din l-ispiża fix-xahar mhix tinkludi spejjes oħrajn bħall-petrol u d-diesel, spejjes ta’ mobile u internet, u lanqas il-kontijiet tad-dawl. Dan kollu, filwaqt li l-penzjonijiet żgur li m’għolewx bl-istess rata li qed tagħla l-ħajja.