Lokali

Bżonn ta’ ‘Politka Nazzjonali’ dwar il-vizzji

“Naħdmu flimkien biex verament – f’dan il-pajjiz ikollna l-aqwa politka – li tista tgħin persuni li jkollhom kwalunkwe tip ta’ problemi.” – Dan kien il-messaġġ tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius meta kien qed jindirizza konferenza bit-tema ‘Ix-xogħol u l-addiction”, organizzata mir-Reġjun Tramuntana flimkien mal-Fondazzjoni Oasi taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella.

Matul id-diskors tiegħu David Agius fakkar kif madwar sena ilu, il-Kumitat Socjali tal-Parlament, matul numru ta’ seduti, iddiskuta il-liġi tal-kannabis. Hu fakkar kif dan il-Kumitat tkellem u sema’ lil diversi persuni u għaqdiet. Hawnhekk, il-Viċi Kap tal-PN ħeġġeġ lil dawk preżenti għall-konferenza biex jaraw x’kien intqal dak iż-żmien għaliex ħarġu ħafna affarijiet li huma ta’ importanza u li għadhom jagħmlu sens sal-lum.

David Agius apella biex nimpenjaw rwieħna biex f’pajjiżna jkollna kumitat li jwassal biex Malta u Għawdex ikollha politika nazzjonali is-suggett tal-vizzji u affarijiet oħrajn relatati. Hu fakkar kif l-aħħar darba li pajjiżna kellu din it-tip ta’ politka kien fl-2008 u saħaq li wasal iż-żmien npoġġu madwar mejda, u nagħmlu politika nazzjonali ta’ fejn sejjer il-pajjiż u fejn irridu nieħduh.

Meta kien qed jindirizza din il-konferenza, David Agius, li huwa wkoll id-Deputy Speaker tal-Parlament, żvela li fl-aħħar jiem kien hemm talba biex bħal ma jsir il-Parlament tat-tfal u tal-anzjani, fost l-oħrajn, jibda isir ukoll il-Parlament ta’ min qed jiskonta sentenza ta’ ħabs. Il-Viċi Kap tal-PN qal, illi li l-għola istituzzjoni tal-pajjiż tisma’ u taġixxi, anke fuq dan is-suġġett,  hija xi ħaġa tajba u saħaq li l-Parlament se jara kif din ix-xewqa tista’ ssir realtà.

Matul id-diskors tiegħu, David Agius irringrazzja lir-Reġjun Tramuntana u lill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni OASI, Noel Scerri, fejn faħħar il-ħidma tiegħu u tat-team tiegħu f’dan il-qasam, anke għall-fatt li kontinwament ikunu fuq qudiem biex il-poplu jiddiskuti dan is-sugget.