Lokali Qorti

Raġel b’kondotta kkulurita mixli li xejjer sikkina fl-uffiċċju tas-Servizzi Soċjali

Raġel li xejjer sikkina kbira fil-konfront ta’ diversi ħaddiema f’uffiċċju tas-sigurtà soċjali u, f’okkażjoni separata, hedded li jużaha. Il-Qorti semgħet kif Antoine Monsigneur ta’ 51 sena mill-Ħamrun, nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Mejju, mar fl-uffiċċju tas-Servizzi Soċjali fil-Ħamrun u talab biex iċ-ċekkijiet tiegħu jiġu depożitati.

Meta t-talba tiegħu ġiet miċħuda inqala’ argument u ħareġ sikkina tal-ħobż ta’ 15-il ċentimetru. Sussegwentement sar rapport lill-pulizija. Huwa ġie arrestat iżda ma ta l-ebda tweġiba għall-mistoqsijiet li sarulu, Huwa mbagħad ingħata l-police bail waqt li komplew l-investigazzjonijiet.

Aktar kmieni din il-ġimgħa huwa ċempel lill-helpline tas-Servizzi Soċjali. Kienet telefonata ta’ 27 minuta li ġiet irreġistrata. Fl-aħħar minuta huwa għamel theddid mhux serju” b’referenza għal “l-arma”, qalu il-prosekuturi. Huwa kien arrestat mill-ġdid fil-pront.

Monsigneur ġei akkużat b’attentat ta’ ġrieħi gravi, li ġarr sikkina mingħajr liċenzja tal-pulizija, li kiser il-paċi, aggredixxa, ta fastidju lil uffiċjal tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u li kkaġunalu biża’ mill-vjolenza. Huwa kien akkużat ukoll li hedded u insulenta lill-uffiċjali, li għamel użu ħażin ta’ tagħmir tal-komunikazzjoni elettronika, li kiser il-libertà proviżorja u li sar reċediv.

L-Ispetturi Clayton Camilleri u Andy Rotin oġġezzjonaw għall-ħelsien mill-arrest, u qalu li l-akkużat għandu problema li jikkalma r-rabja tiegħu, u aġir bħal dan kien inaċċettabbli fis-soċjetà. Irrimarkaw li meta ngħata l-police bail huwa kompla jikkummidja.

“Mhux vera jaħasra!” ilmenta r-raġel mill-iżbarra. Iżda l-ispetturi qalu wkoll li huwa għandu rekord kriminali mhux nieqes b’kondotta ta’ 30 paġna. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet il-maġistrat Marse-Ann Farrugia ċaħdet il-ħelsien mill-arrest.