Lokali Qorti

Sieħeb fin-negozju ma’ Yorgen Fenech li għandu każ fuq ħasil ta’ flus arrestat fl-Italja u trasferit lejn Franza

Sieħeb fin-negozju ma’ Yorgen Fenech li għaddej minn proċeduri ta’ ħasil ta’ flus f’Malta, ġie arrestat fl-Italja u trasferit fi Franza fejn qed jiġi interrogat mill-awtoritajiet. Ir-raġunijiet għall-arrest baqgħu ma ġewx żvelati. Il-proċeduri kontra Nicholas Cachia ikomplu iżda tħallew għal żmien indefinit fid-dawl tal-iżviluppi barra minn Malta.

Cachia ta’ 47 sena, flimkien ma’ missieru Joseph tressaq il-Qorti f’Awwissu li għadda, flimkien ma’ numru ta’ sħab oħra fin-negozju ta’ Fenech, b’rabtiet ma’ kumpanija Maltija tal-logħob bl-isem ta’ Glimmer Ltd, kollha qed jiffaċċjaw akkużi ta’ ħasil ta’ flus.

Huwa kien akkużat ukoll b’misapproprjazzjoni u frodi. Akkużi ħarġu minn investigazzjoni mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni tar-Reati Finanzjarji tal-pulizija. L-ispettur Brian Paul Camilleri kien qal lill-Qorti li data u komunikazzjoni elettronika, inklużi messaġġi bejn Fenech u oħrajn, ippuntaw fid-direzzjoni tal-ħasil tal-flus.

Hekk kif komplew il-proċeduri, kemm missier u iben ingħataw il-libertà proviżorja. Iżda l-proċeduri issa waqfu. Spettur mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali tal-pulizija qal lill-Qorti li fit-23 ta’ Marzu, il-pulizija rċeviet komunikazzjoni mill-Questura di Siracusa permezz tal-Ambaxxata Maltija f’Ruma fejn infurmahom li Nicholas Cachia kien ġie arrestat fl-Italja taħt mandat ta’ arrest maħruġ mill-awtoritajiet Franċiżi. .

Fis-16 ta’ Mejju, aktar komunikazzjoni mill-uffiċċju tal-Affarijiet Barranin infurmathom li r-raġel kien fil-fatt ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet relattivi fi Franza. L-avukati tar-raġel, Kathleen Calleja Grima u Matthew Brincat, qalu lill-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li l-klijent tagħhom kien ġie trasferit minn Sirakuża għal Franza fejn jidher li numru ta’ persuni oħra ġew interrogati u lliberati.

It-tħassib immedjat tal-avukati kien il-fatt li s’issa ma setgħux jikkomunikaw mal-klijent tagħhom u kienu għadhom jivvalutaw it-triq ‘il quddiem. Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-qorti differit l-kawża sine die fid-dawl tal-proċeduri pendenti kontrih barra minn Malta. L-avukat tal-AĠ Karl Muscat assista fil-prosekuzzjoni tal-Ispettur Brian Paul Camilleri.