Futbol Sport

Tedesco jirritorna ma’ Birkirkara…Sanderra iġedded maċ-champions

Il-kowċ Taljan Giovanni Tedesco rritorna ma’ Birkirkara F.C. fi tmiem il-kuntrattt iegħu ma’ Santa Lucia F.C.Tedesco jġib memorji sbieħ lill-klabb Karkariż, hekk kif mal-klabb għeleb lil Ulisses FC u avvanza għat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Europa League. Sfortunatament, huma kienu ġew eliminati bil-penalties kontra West Ham United, wara li għelibhom 1-0 f’pajjiżna.Il-kowċ Taljan ingħaqad ma’ Birkirkara F.C. matul l-istaġun 2014/15 sakemm ħalla lill-klabb f’Diċembru tal-2015. Minn dakinhar hu kellu diversi esperjenzi f’Malta kif ukoll barra minn pajjiżna.

Intant, kompliet il-ħidma tal-amministrazzjoni taċ-Champions Hibernians hekk kif huma ħabbru wkoll li estendew il-kuntratt tal-kowċ Taljan Stefano Sanderra b’sentejn sal-2024.Sanderra beda l-esperjenza tiegħu mal-klabb minn Raħal Ġdid fl-istaġun 2018/19 u rnexxielu jibni skwadra b’taħlita tal-aqwa elementi lokali kif ukoll dawk barranin li dejjem kienet ta’ sfida.Fl-ewwel staġun tiegħu Hibernians F.C. kellhom kampjonat tajjeb ħafna fejn kienu spiċċaw bl-istess ammont ta’ punti daqs Valletta Football Club, b’dawn tal-aħħar jirbħu d-decider tal-kampjonat wara l-għoti tal-penalties.Taħt Sanderra Hibernians dejjem kwalifikaw għall-kompetizzjonijiet Ewropej u din is-sena meritatament saru Champions tal-Kampjonat għat-13-il darba fl-istorja tagħhom.