Internazzjonali

Ukrajna: Suldat Russu ta’ 21 sena akkużat dwar reat tal-gwerra

Fl-aħħar sigħat, fi Kiev, beda l-ġuri ta’ suldat Russu ta’ 21 sena li hu akkużat dwar il-qtil ta’ ċivili Ukren li ma kienx armat. L-omiċidju seħħ fl-ewwel jiem tal-invażjoni tal-Ukrajna u s-suldat, li jismu Vadim Shishimarin, jista’ jeħel għomru l-ħabs jekk jinstab ħati.

L-Ukrajna qed tgħid li identifikat eluf ta’ reati tal-gwerra potenzjali li twettqu mis-suldati Russi fl-artijiet tagħha – b’Moska qed tiċħad li qed tmexxi gwerra kontra ċ-ċivili Ukreni.

Il-prosekuturi qalu li fil-jum tar-reat Shishimarin kien qed isuq vettura misruqa u li kienet qed iġġorr lil suldati Russi oħrajn fir-reġjun ta’ Sumy. Hawnhekk, huma nzertaw raġel ta’ 62 sena li kien għaddej bir-rota waqt li jitkellem fuq it-telefon ċellulari – bil-prosekuturi  jallegaw li s-suldat, imbagħad, spara fuq dan iċ-ċivili minħabba l-possibbiltà ‘li hu seta’ kien qed jinforma lill-qawwiet Ukreni dwar il-lokalità tal-vettura.’

Il-Prosekutur Ġenerali Ukrena Iryna Venediktova qalet li dan il-proċess qed jibgħat sinjal li kulmin wettaq jew kien involut f’reati kontra l-bniedem fl-Ukrajna mhux se jevita l-ġustizzja u ‘irid iħallas għal għemilu’.