Lokali Qorti

Żewġt irġiel minn seba’ mmultati fuq logħob tan-nar illegali u lkoll mhux ħatja li ferew gravi persuna

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li kienet qed tippresiedi l-Qorti ta’ Għawdex immultata żewġt irġiel €15,000 kull wieħed wara li nstabu ħatja li fil-21 ta’ Ġunju tal-2018 kisru l-liġi b’rabta ma’ ħruq ta’ logħob tan-nar fix-Xewkija, Għawdex. Dan għaliex n-nar inħareġ fuq ‘scaffolding’ u li dan huwa kontra l-liġi.

Huma ma nstabux ħatja li bl-aġir tagħhom weġġgħu gravament raġel għaliex iċ-ċerifikat mediku juri li dan weġġa’  ħafif filwaqt li l-każ huwa wieħed preskritt. B’kollox kienu seba’ l-irġiel, kollha mill-Mellieħa, li tressqu l-Qorti b’rabta mal-każ . Edgar Ellul ta’ 68 sena, Edmond Camilleri ta’ 51 sena,  Stephen Borg ta’ 44 sena, Elton Cauchi ta’ 43 sena, Anthony Caruana ta’ 55 sena, Charles Caruana ta’ 45 sena u Trevor Vella ta’ 47 sena.

Huma kienu mixlijin mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri li fil-21 ta’ Ġunju 2018, fix-Xewkija, ħarqu stoppini ta’ dijametru akbar minn ċentimetru u li b’nuqqas ta’ ħsieb weġġgħu gravi raġel. Fil-Qorti rriżulta li l-logħob tan-nar inħaraq minn fuq ‘scaffolding’ f’għalqa għall-ħabta tal-11pm.

Wara li semgħet il-provi hija kkonkludiet li fil-konfront ta’ Ellul, il-persuna liċenzjata, ma ġiex pruvat li kien hu li pprovda n-nar li nħaraq anke jekk il-probabbiltà kienet li iva waqt li semmiet li dan ma kienx fuq il-post dak il-ħin. Il-Maġistrat qalet li l-provi wrew ukoll li kienu biss Borg u Camilleri li kienu qed jaħarqu n-nar.

Bla dubju dawn iż-żewġ persuni kienu tal-mestier, kienu liċenzjati bil-Liċenzja A u għalhekk kienu jafu li l-istoppini li kienu qed jaħarqu kienu ta’ dijametru li kien akbar minn ċentimetru. Il-Qorti saħqet ukoll sostniet li l-l-prosekuzzjoni minn naħa tagħha lanqas ippruvat li l-akkużati l-oħra , jiġifieri Cauchi, Vella u Caruana, kienu kompliċi għax kienu fit-triq u mhux fuq l-iscaffolding fejn beda jinħaraq in-nar.

Lanqas ma rriżulta li kienu jafu tal-ispeċifikazzjonijiet tan-nar li ġie maħruq minn sħabhom għalkemm il-Qorti tista’ tippreżumi li hekk kien! Dwar it-tieni akkuża, dik li weġġgħu gravi raġel, hija qalet li din mhux biss irriżultat preskritta imma miċ-ċertifikat li ħarġu t-tobba jirriżulta li l-vittma ġarrab biss ġrieħi ħfief.

Il-Maġistrat Frendo Dimech kkundannat il-fatt li minkejja li l-Pulizija kellha ċ-ċertifikat tat-tobba f’idejha “għażlet li tinkina mingħajr stħarriġ ulterjuri għal dak li talab il-vittma”. F’kelma waħda l-Pulizija qagħdet fuq dak li qalilha l-parte civile biss.

Għaldaqstant waqt li lliberat lil Ellul, Cauchi, Vella u lill-akkużati Caruana minn kull ħtija sabet lil Borg u Camilleri ħati tal-ewwel akkuża u mmultathom €15,000 kull wieħed. Għall-irġiel deher l-Avukat Arthur Azzopardi filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.