Futbol Sport

Eintracht Frankfurt jirbħu l-UEFA Europa League

(Ritratt:EPA)

F’Seville fi Spanja, Eintracht Frankfurt rebħu l-UEFA Europa League kontra Rangers fejn wara li l-partita ntemmet fi draw ta’ 1-1 sal-120 rebħu 5-4 bil-penalties. Wara li l-ewwel taqsima kienet waħda bilanċjata u ntensa b’azzjonijiet perikolużi fuq iż-żewġ naħat, il-partita żvolġiet fit-tieni taqsima.

Rangers ħarġu fuq l-offensiva u kien propju fis-57 minuta li marru fil-vantaġġ meta kien Joe Aribo li approfitta minn żball fid-difiża u bil-kalma kollha xeħet għal wara Kevin Trapp. Rangers damu jgawdu dan il-vantaġġ biss 12-il minuta meta fid-69 minuta kien Rafael Santos Borre li kkonkluda fuq cross ta’ Filip Kostic.

Biż-żewġ timijiet joqogħdu attenti li ma jsofrux gowl, il-partita sad-90 minuta baqgħet fi draw ta’ 1-1 u b’hekk marret għall-ħin barrani. Fl-ewwel kwarta ftit kienu l-azzjonijiet perikolużi biż-żewġ naħat immexxija minn Giovanni Van Bronckhtorst u Oliver Glasner rispettivament. Fit-tieni taqsima ż-żewġ naħat wettqu numru ta’ sostituzzjonijiet fejn kellhom ukoll għajn waħda fuq l-għoti tal-peanlties. Tlieta minut mit-tmiem, Ranger kellhom opportunità tad-deheb li jirbħu l-partita meta minn cross ta’ Kemar Roofe kien Ryan Kent li ra l-konklużjoni tiegħu mill-viċin salvata minn Trapp, bir-rebound ta’ Steven Davis tgħaddi tħakkek mal-mimduda. Il-partita ntemmet fi draw ta’ 1-1 u kienu l-għoti tal-penalties li ddeċidew il-finali.

Għal Rangers skorjaw James Tavernier, Steven Davis, Scott Arfield, Kemar Roofe filwaqt li Aaron Ramsey falla l-penalty.

Għal Frankfrut skorjaw Christopjer Lenz, Ajdin Hrustic, Daichi Kamada, Filip Kostic u Rafael Santo Borre.

Intant mal-100,000 partitarju ta’ Rangers vjaġġaw lejn Spanja għal din il-partita filwaqt li minn naħa ta’ Frankfurt kien 50,000 li għamluha għal Seville fejn matul il-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa kien hemm ukoll xi ġlied bejn iż-żewġ settijiet ta’ partitarji.