Lokali

“Il-Gvern jissikka ċ-ċinturin fiċ-ċivil u jonfoq bla rażan mit-taxxi”

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern idur dawra madwaru u jżomm lin-nies responsabbli għall-infieq bla rażan mit-taxxi tal-poplu

“Wara snin ta’ infieq bla rażan fil-finanzi pubbliċi, il-Gvern, permezz ta’ ammissjoni tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, se jibda jissikka ċ-ċintorin mal-impjegati taċ-Ċivil ftit ġimgħat biss wara l-Elezzjoni Ġenerali u eżatt meta s-Segretarju Permanenti Prinċipali Mario Cutajar ħabbar li se jirtira.”

Hekk saħqu f’kummenti lil Net News id-deputati Nazzjonalisti, Darren Carabott, Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika, Jerome Caruana Cilia, Kelliem għall-Finanzi, u Ivan Castillo, Kelliem għax-Xogħol.

Matul it-tmexxija taċ-Ċivil taħt Mario Cutajar, skont l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, id-dejn pubbliku sploda bi €3 biljun Ewro fl-aħħar sentejn u għalhekk wassal għas-somma totali ta’ €8.2 biljun Ewro.

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li huwa tal-mistħija u irresponsabbli kif per eżempju, Mario Cutajar, hekk kif ħabbar li qed jirtira, sar magħruf li impjega direttur tal-komunikazzjoni b’salarju ta’ €40,000 fis-sena, ċioe €3,333 fix-xahar. minkejja li seta’ juża l-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Minitsru – ufficjal li se jibqa’ hemm anke wara li Cutajar jirtira.

Il-PN qal illi huwa tal-mistħija wkoll kif issa l-Ministru jitkellem fuq issikkar taċ-ċintorin meta jista’ jdur dawra fuq ta’ madwaru u jżommhom responsabbli għal kull ċenteżmu li nefqu abbużivament mit-taxxi tagħna.

Il-Ministru Clyde Caruana għandu jgħid ukoll jekk Mario Cutajar hux ser ikun qed iżomm il-paga ta’ €20,000 fis-sena li jdaħħal minn Heritage Malta apparti l-paga li kellu bħala Kap taċ-Ċivil.

Id-deputati Nazzjonalisti talbu lill-Ministru Caruana jinvestiga l-abbuż sfaċċat tal-finanzi pubbliċi minn sħabu l-membri parlamentari u jinvestiga l-infieq doppju fil-proġetti tal-Gvern, direct orders li jiswew il-miljuni u li mhux qed jagħtu ċans lil kulħadd biex jieħu sehem fihom.