Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: L-invażjoni ta’ Putin kapaċi toħloq kriżi tal-ikel fuq livell globali u li ddum għal snin

In-Nazzjonijiet Uniti wissiet li l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja tista’ dalwaqt toħloq kriżi tal-ikel fuq livell dinji – bis-sitwazzjoni kapaċi ġġebbed għal snin aktar milli xhur.

Is-Segretarju-Ġenerali tan-NU, Antonio Guterres, qal l-gwerra, fuq kollox, kompliet ‘tnaqqas mis-sigurtà tal-ikel’ fl-aktar pajjiżi foqra fejn ir-residenti diġà qegħdin iħossu l-piż tal-prezzijiet li żdiedu b’rata mgħaġġla f’dawn il-ġimgħat.

Guterres wissa ukoll li numru ta’ pajjiżi jistgħu jgħaddu minn ‘sitwazzjonijiet ta’ ġuh’ għat-tul taż-żmien jekk l-esportazzjoni tal-ikel ( partikularment il-qmuħ)  mill-Ukrajna ma tirritornax għal-livelli ta’ qabel il-gwerra.

Il-konflitt li għaddej bħalissa fl-artijiet Ukreni wassal għall-‘iffriżar’ tal-provvisti li suppost ikunu trasportati mill-portijiet tal-Ukrajna. Dan il-pajjiż, sa ftit ilu, kien esportatur ewlieni taż-żejt tal-qali u ċireali, flimkien ma’ ikel bażiku ieħor.

Għaldaqstant — u minħabba l-gwerra li qed imexxi l-President Russu, Vladimir Putin — il-provvista globali tal-ikel bażiku qed tonqos drastikement; bil-prezzijiet tas-‘sorsi tal-ikel alternattivi’ jisparaw ‘il fuq, tant li, fil-preżent, huma ogħla bi 30 fil-mija fuq il-prezzijiet ta’ sena ilu.

Antonio Guterres tenna li l-gwerra ta’ Putin – flimkien mal-effetti tal-bidliet fil-klima u l-pandemija – ‘qed thedded li tixħet l-għexieren tal-miljuni f’sitwazzjonijiet fejn ma jistgħux ikunu ċerti mill-ikel ta’ kuljum’. Hu kompla li d-dinja anki qed tavviċina sitwazzjonijiet akbar ta’ malnutriżmu u ġuh fuq livelli tal-massa b’konsegwenza diretta tal-gwerra.

‘Bħalissa hemm biżżejjed ikel fid-dinja biex intaffu l-impatt tal-kriżi jekk kemm-il darba l-pajjiżi jiġbdu kollha ħabel wieħed’, tenna Guterres. Madankollu, hu wissa li jekk ma titteħidx azzjoni immedjata, l-Ewropa għandha tkun fost id-diversi bnadi tad-dinja li jiffaċċjaw in-nuqqasijiet tal-ikel matul ix-xhur li ġejjin’.

In-Nazzjonijiet Uniti qed twissi wkoll li l-unika soluzzjoni effettiva għall-kriżi tista’ tinstab bis-sistemi li jintegraw lura ‘u mill-aktar fis’ il-produzzjoni tal-ikel mill-Ukrajna – flimkien mal-fertilizzanti li jipproduċu r-Russja u l-Belarus – fis-swieq globali.

Sadanittant, il-mexxejja tal-G7 – magħmul mill-aktar seba’ pajjiżi industrijalizzati fid-dinja – qed jiltaqgħu fil-Ġermanja, biex jiddiskuti żieda fis-sostenn finanzjarju lill-Ukrajna.