Internazzjonali

IL-Gwerra tal-Ukrajna: Zelensky qed jinsisti li l-invażjoni falliet

Il-President ta-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, baqa’ jiddeskrivi l-invażjoni ta’ pajjiżu bħala falliment assolut u katastrofiku għar-Russja, fuq kwalunkwe livell.

Dan wara li r-Russja ħabbret l-okkupazzjoni ta’ Mariupol mill-qawwiet tagħha bħala rebħa strateġika li huma ‘siġillaw’ anki waqt li t-truppi tal-Kremlin qed ikomplu bl-offensiva fir-reġjun tad-Donbas, lejn il-Lvant tal-Ukrajna.

Fl-ahhar sighat ukoll, Zelensky iddeċieda li jestendi l-liġi marzjali fl-Ukrajna għal 90 jum ieħor.

Intant, il-kummenti ta’ Zelensky mhumiex jidhru ‘il bogħod mill-verità, wara li l-Ministeru tad-Difiża fir-Renju Unit ippubblika l-aħħar analiżi tal-gwerra fl-Ukrajna skont l-aġġornamenti tas-servizzi sigrieti. Hawnhekk qed jingħad li r-Russja, fl-aħħar sigħat, keċċiet numru ta’ kmandanti tal-Armata ewlenin talli ‘ma setgħux jevitaw id-disfatti militari’ matul il-gwerra tal-Ukrajna.

L-aħħar rapporti sigrieti anki qed jakkużaw lill-Kremlin b’li qed imexxi kampanja militari bażata fuq il-qerq u fejn mhix tonqos il-litanija tal-akkużi bejn l-uffiċjali li qegħdin iwaħħlu f’xulxin għall-fallimenti fl-Ukrajna.