Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Jitlobha maħfra wara l-qtil brutali ta’ żewġha

Is-suldat Russu ta’ 21 sena li għaddej ġuri dwar l-omiċidju ta’ raġel ċivili ta’ 62 sena fl-Ukrajna, spiċċa konfrontat (waqt il-ġuri) mill-mara tal-vittma, f’xena mill-aktar kommoventi.

Kateryna Shelipova  — l-armla tar-raġel li qala’ tiri fatali waqt li kien għaddej fuq rota – staqsiet lis-suldat, Vadim Shishimarin, ‘x’seta’ ħass fil-ħin meta spara għal żewġha’ u ‘x’seta’ kien għaddej minn moħħu dak il-ħin’.

Is-suldat wieġeb li hu ma riedx jispara lejn ir-raġel iżda kien kostrett li jwettaq ir-reat meta spiċċa ‘taħt pressjoni’ u ‘mhedded’ minn suldat ieħor Russu.

Shishimarin, imbagħad, talab maħfra lill-armla tal-mejjet u qal li ‘jifhem jekk hi mhix lesta li tirrikonoxxi din it-talba’.

Is-suldat, sadanittant, ammetta li kien hu li qatel lir-raġel Ukren. Dan waqt li l-prosekuturi fil-każ qed jgħidu li s-suldat wettaq ir-reat  biex jevita li r-raġel – li dak il-ħin kien qed jitkellem fuq telefon ċellulari  — jikxef il-lokalità tat-trakk li kien qed iġorr lil Vadim Shishimarin u diversi suldati ( Russi) oħrajn lejn destinazzjoni partikulari.

L-omiċidju kien seħħ fil-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna u Vadim Shishimarin, jista’ jeħel għomru l-ħabs jekk jinstab ħati.