Edukazzjoni Knisja Lokali

Imniedi l-ktieb “L-Iskola St. Michael – l-għaxqa ta’ San Ġorġ Preca”

L-Iskola St. Michael qegħda tfakkar il-75 anniversarju mill-fondazzjoni

Din il-ġimgħa, l-Iskola St Michael bdiet l-aħħar sensiela ta’ attivitajiet li se jġibu fi tmiemhom iċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-75 sena mit-twaqqif tagħha.

Fl-Awditorju tas-Soċjetà tal-MUSEUM fil-Blata l-Bajda, ilbieraħ ittellgħet serata li fiha tnieda l-ktieb ġdid “L-Iskola St Michael – l-għaxqa ta’ San Ġorġ Preca”, ktieb riċerkat sew u b’ħafna informazzjoni ġdida li l-awtur, l-għalliem u membru tal-MUSEUM, Robert Aloisio, irnexxielu jsib kemm fuq l-edukazzjoni fl-iskola u San Ġorġ Preca għax din l-Iskola kienet tassew l-għaxqa ta’ Dun Ġorġ.

Ma’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, Toni Agius (1907-1989), soċju tal-Museum u engine-fitter, kien ħalla x-xogħol sikur li kellu fit-Tarzna biex jiftaħ skola ġdida. Hu u tliet soċji oħra tal-Museum, apprentisti fit-Tarzna, issagrifikaw kollox biex jidħlu għal avventura sabiħa li bħal kull ħaġa ġdida oħra triqitha ma kinitx nieqsa mix-xewk.

Bħall-Fundatur tal-Museum, Agius sab min ma fehmux u oħrajn kellhom il-biżgħat raġonevoli tagħhom. Imma San Ġorġ Preca bierek b’idejh it-tnejn lil Agius u l-opra ġdida li Alla kien se jibda permezz tiegħu. Iktar tard Dun Ġorġ sejjaħ lill-Iskola St Michael “l-għaxqa ta’ qalbi” u kienet l-hena tiegħu jżur l-Iskola, jitkellem mal-istudenti u l-għalliema u jqaddsilhom.

Il-ktieb ġie ppreżentat mill-Assistent Superjur Ġenerali Oliver Aquilina, li hu wkoll id-Direttur ta’ Pubblikazzjonijiet Preca u ex għalliem tal-Iskola. Il-Kap tal-Iskola Raymond D’Amato ippreżenta kopja ukoll lis-Superjur Ġenerali tal-MUSEUM, Roberto Zammit, u lil Patri Charles Mallia, Delegat tal-Arċisqof għall-Edukazzjoni Kattolika. Id-diskors ewlieni sar minn Dr George Borg, ex Direttur tal-Edukazzjoni, ġenitur ta’ eks-student fl-Iskola.

Il-pubbliku inġenerali mistieden biex nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju jew is-Sibt 21 ta’ Mejju jmur l-Iskola St. Michael mis-7.00 p.m. ’l quddiem kemm biex jakkwista l-ktieb, iżur mal-Iskola u jsegwi l-kummiedja mtellgħa mill-istudenti “Is-Sultan u l-Kaptan”, miktuba minn Trevor Zahra u diretta minn Clive Piscopo.