Ambjent Lokali Saħħa

L-OHSA f’sentejn ssib aktar minn 1,000 post tax-xogħol b’periklu għall-ħaddiema

Minn fost 9,106 spezzjoni, 1,025 huma l-postijiet tax-xogħol li fihom instab xi forma ta’ periklu, biżżejjed biex potenzjalment jikkawżaw mewt jew ħsara fiżika serja lill-ħaddiema.

Dawn kienu spezzjonati bejn Jannar 2020 u Diċembru 2021 mill-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, postijiet tax-xogħol li jvarjaw minn intrapriżi micro sa dawk kbar fis-settur tal-manifattura, kostruzzjoni fost servizzi oħrajn.

Fi stqarrija, ġie spjegat kif f’ħafna mill-każijiet, l-OHSA ordnat li jitħallsu multi amministrattivi jew jinbdew proċeduri ġudizzjarji ladarba jintemmu l-investigazzjonijiet. Dan filwaqt illi ħarġu ordnijiet biex il-ħaddiema jieqfu minn fuq il-lant tax-xogħol minnufih sakemm is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.

Intqal li l-Awtorità ħarġet 1,152 multa amministrattiva kontra entitajiet u individwi li kisru il-liġi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fix-xhur preċedenti.

L-aktar nuqqasijiet komuni li nstabu fl-aħħar sentejn huma n-nuqqas ta dispożizzjonijiet biex jiġu evitati waqgħat mill-għoli, project supervisors tas-sit tal-kostruzzjoni li ma jħarsux il-prinċipji ġenerali tal-prevenzjoni tal-OHSA u klijenti tas-sit tal-kostruzzjoni li ma jsegwux ir-rakkomandazzjonijiet tal-project supervisors.

F’dan il-perjodu, l-OHSA vverifikat ukoll 8,906 rapport ta’ eżaminazzjoni ta’ tagħmir u 3,873 formola ta’ notifika ta’ kostruzzjoni, fost l-oħrajn.